Il-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni Go u Melita jinsabu determinati li jgħinu lill-awtoritajiet biex jintemm darba għal dejjem is-servizz illegali tal-IPTV.
Il-ġimgħa li għaddiet, saru għadd ta’ rejds madwar l-Ewropa inkluż Malta, wara investigazzjoni fl-Italja kontra x-xandir illegali ta’ kontenut, partikolarment il-futbol tas-Seria A.
L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) kkoordinat din l-azzjoni, li ssemmiet ‘Operation Perfect Storm.”
Skont MaltaToday, ir-rejds f’Malta kienu koordinati mid-Dipartiment għar-Reati Finanzjarji u t-Taqsima kontra ċ- Ċiberkriminalità, fi ħdan il-Korp tal-Pulizija. Għalkemm ħadd ma ġie arrestat, saru tfittxijiet f’żewġ propretajiet f’Ħal Qormi u f’San Pawl il-Baħar li huma tal-istess individwu.
Minn dawn il-proprjetajiet ġew ikkonfiskati 150 apparat, madwar 48 Smart Satellite Cards, żewġ smartphones u madwar €13,000
L-investigazzjonijiet waslu wkoll biex l-IMG, l-Aġenzija li xxandar il-futbol Seria A u kampjonati oħra Ewropew, talbet lill-Qorti biex tordna lil dawk li jipprovdu s-servizzi, bħal kumpaniji Go u Melita, li legalment ixandru l-futbol f’Malta, biex jitterminaw l-aċċess lil dawk l-individwi u anke l-organizzazzjonijiet li jinstabu jxandru llegalment l-futbol tas-Seria A permezz tal-IPTV.
Fil-fatt, kemm Melita u anke Go kkonfermaw li qed jgħinu lill-awtoritajiet u qed jagħlqu dan l-aċċess. Melita spjegat li dan mhux se jkollu impatt fuq il-konnessjoni tal-internet tal-klijenti.