Il-Prim Ministru Robert Abela, waqt konferenza tal-aħbarijiet qal li minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija, għalissa l-barijiet se jibqgħu magħluqa u dan minkejja li l-avviż legali preżenti jiskadi fl-1 ta' Diċembru.
Abela saħaq li wara diskussjoni mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, ittieħdet id-deċiżjoni li l-avviż legali jkun estiż biex hekk il-barijiet jibqgħu magħluqa għall-ġimgħat li ġejjin.
Insista li din kienet deċiżjoni diffiċli iżda saħaq li f'din is-sitwazzjoni wieħed irid jibqa' prudenti, aktar u aktar meta wieħed iqis li l-vaċċin jinsab fil-viċin.
Madanakollu, il-Prim Ministru ma indikax sakemm se jkun estiż l-avviż legali.
Il-barijiet ingħalqu fil-bidu ta' Novembru hekk kif reġgħu bdew jiżdiedu drastikament il-każi tal-Covid-19. Apparti l-barijiet kienu ngħalqu wkoll il-każini.
L-avviż legali kien wassal ukoll biex l-isnack bars u l-kiosks, għalkemm baqgħu miftuħa, ġew ordnati jagħlqu fil-11pm u anke ordnati ma jbigħux alkoħol.