Il-Bank Pilatus qed ifittex għad-danni lill-Bank Ċentrali Ewropew wara li l-liċenzja tiegħu ġiet revokata u dan fi proċeduri miftuħa quddiem il-qrati Amerikani.
Il-liċenzja tal-bank fil-qalba ta’ diversi kontroversji ta’ ħasil ta’ flus u anke viċin ħafna l-familja li tmexxi l-Ażerbajġan, ġiet revokata f’Marzu 2018 meta s-sid tiegħu Ali Sadr Hasheminejad ġie arrestat fl-Istati Uniti u akkużat li kiser sanzjonijiet imposti fuq l-Iran.
Huwa kien instab ħati mill-qorti fi New York imma kollox waqaf ħesrem hekk kif it-tim legali ta' Hasheminejad qed jinsisti li kien hemm evidenza importanti li huma qatt ma ngħataw u għalhekk ma kellhomx aċċess għaliha.
Pilatus Bank qed jitlob lill-Qorti f’New Hamsphire biex ikun jista’ jikseb informazzjoni minn Lawrence Connell, l-espert li kien tqabbad mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji biex josserva l-proċess li wassal biex il-bank għalaq.
Is-sidien tal-bank qed jisħqu li Connell għandu għarfien tal-kundizzjoni finanzjarja tal-Bank Pilatus u li din l-informazzjoni hija neċessarja biex ikunu stabbiliti d-danni li se jkunu qed jitolbu mill-Bank Ċentrali Ewropew.
Pilatus qed jakkuża lill-Bank Ċentrali Ewropew u anke lill-MFSA li għalqu l-bank minħabba allegazzjonijiet foloz.
Is-sidien tal-bank qed jisħqu li l-MFSA u l-awtoritajiet Maltin riedu jagħtu eżempju u ċanfira lil banek oħra bl-azzjonijiet tagħhom kontra l-Bank Pilatus tant li tliet ijiem biss wara li Sadr kien akkużat b’mod falz, l-MFSA ħadet f’idha l-Bank u waqqfet l-operat kollu tiegħu
Pilatus saħaq li “l-assalt” tal-MFSA fuq il-bank u anke “l-kompliċità” tal-Bank Ċentrali Ewropew issa huma suġġett ta' azzjoni mill-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja kontra l-Bank Ċentrali Ewropew, fejn l-istess Pilatus irid li tkun annullata d-deċiżjoni li wasslet għar-revoka tal-liċenzja.
Il-bank Pilatus kien implikat fl-allegazzjoni serja tal-kumpanija Egrant meta l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet kitbet li l-Bank ipproċessa tranżazzjoni ta’ $1 miljun mill-familja Aliyev tal-Ażerbajġan u li waslet għand mart l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
Dwan din l-allegazzjoni, l-inkjesta pubblika tal-Maġistrat (illum Imħallef) Aaron Bugeja ma sabet l-ebda prova.
Aqra wkoll: