Analiżi | Għaddiet sena! Imma tgħallimna xi ħaġa?
Għaddiet sena minn meta nħass li dan il-pajjiż kien dieħel fl-agħar kriżi politika tiegħu. Filwaqt li folla orgoljuża u rrabjata kienet qed tgħajjat 'Viva l-Laour' fil-Ħamrun, folla daqstant irrabjata u determinata kienet qed taħbat għall-karozzi tal-Ministri, tarmilhom il-bajd u tgħajjarhom 'mafja' l-Belt ...
minn Albert Gauci Cunningham
F'dawn il-jiem infakkru sena minn meta l-pajjiż inbela' minn kriżi politika kbira, li wasslet għar-riżenji ta' ħafna mill-aktar personaġġi importanti fil-Gvern ta' Joseph Muscat u eventwalment ir-riżenja ta' Muscat innifsu, sentejn biss wara li ngħata l-akbar mandat elettorali.
Kollox beda bl-arrest ta' Yorgen Fenech u l-implikazzjoni tiegħu, quddiem il-Pulizija, li l-mandant tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia ma kien ħadd ħlief Keith Schembri. Dan wassal għall-protesti fil-Belt Valletta, uħud minnhom kbar, u sabiex it-temperatura politika fil-pajjiż titla' għal livelli għoljin u perikolużi, speċjalment wara x-xeni li raw nies li qed jipprotestaw iħebbu għall-karozzi tal-Ministri, ġlied bejn id-Deputati barra l-Parlament, Deputati maqbudin fil-Parlament, issuttar tal-bajd lejn il-Ministri tal-Kabinett u tgħajjir u insulti lejn l-eks PM Joseph Muscat huwa u dieħel Kastilja.
Biex tgħaxxaq, b'inizjattiva personali tagħhom mijiet ta' attivisti Laburisti rrabjati, bdew jinġabru quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, f'ċapċip ta' appoġġ lejn Muscat u korla lejn l-għaqda Repubblika, il-PN u anke lejn il-midja in ġenerali li kienet kważi magħquda fl-appell tagħha biex Muscat iwarrab. Dawn id-dimostrazzjonijiet 'spontanji' saru kontra l-pariri tal-uffiċjali tal-partit imma xorta kienu jaħarqu daqs dawk li kienu qed isiru fl-istess ħin il-Belt Valletta tant li darba minnhom bdew jitwaddbu fliexken lejn il-ġurnalisti li kienu qed jaqdu dmirhom fil-post.
Kull min isegwi jaf li Novembru u Diċembru tas-sena l-oħra kienu l-agħar xhur f'termini politiċi f'ħafna snin, u kieku l-affarijiet ma kkalmawx hekk kif kien hemm bidliet fit-tmun tal-Gvern u tal-Partit Laburista, kienet bdiet tinħass fost bosta li s-sitwazzjoni jaf tintilef mill-kontroll tal-awtoritajiet.
F'dan l-ispazju l-gazzetta ILLUM se tagħti ħarsa lura lejn dak li politikament tgħallimna u dak li wrewna Novembru u Diċembru tas-sena l-oħra. Fi ftit kliem, l-aktar punti saljenti minn dak kollu li seħħ.
Is-saħħa tal-militanza politika ma tistax tkun injorata
Il-kelma 'militanza' saret kelma maħmuġa u b'konnotazzjonijiet negattivi fin-narrattiva ġeneralment kapitalista, kontra trade unions li jniżżlu lin-nies fit-toroq diversi drabi jew inkella li jidhru aggressivi kontra prattiċi jew politiċi fuq kwistjonijiet differenti. Ħafna drabi l-militanza hija mpoġġija fl-istess keffa mal-vjolenza, meta dan mhuwiex awtomatikament il-każ.
Ironikament il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern kien uża din in-narrattiva diversi drabi kontra l-General Workers' Union fi protesti qliel bħalma darba kien hemm minħabba l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tal-Air Malta u bil-famuża kampanja 'Issa Daqshekk' kontra - fost oħrajn - l-miżuri ta' Baġit li kien għolla l-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Dak iż-żmien in-narrativa politika ta' Gvern Nazzjonalista kienet illi Tony Zarb - dak iż-żmien fit-tmun tal-GWU kien militanti, bħal numru ta' politiċi tal-Partit Laburista u allura dan kien "ħażin", "kontra l-interess nazzjonali", "ħsara għall-ekonomija" u kull azzjoni industrijali jew dimostrazzjoni ta' portata nazzjonali kienet imlaqqma "tfixkil" u/jew "tbatija żejda għall-poplu."
Fil-verità l-Gvern preżenti jew ħafna minn dawk li jiddefenduh adottaw approċċ simili ħafna f'dak li jirrigwarda dimostrazzjonijiet, protesti jew azzjonijiet industrijali. Dawn dejjem jiġu mlaqqma' bħala "tfixkil", "kontra l-interess nazzjonali", "militanza" u mill-ġdid "azzjonijiet li se jweġġgħu lill-poplu."
Il-verità hija li l-militanza ta' grupp ta' nies magħqudin għal raġuni jew oħra kienet, għadha u se tibqa' ħabiba tal-oppożizzjoni u l-attivisti tagħha - li dejjem jisħqu li "għandna bżonn ninżlu fit-toroq", "inqumu mir-raqda" u ħafna iktar. Pero' hija l-għadu tal-gvern u l-attivisti tiegħu li jarawha bħala sfida għall-poter li għandu l-partit li jappoġġjaw u allura, xi drabi wkoll, il-poter li għandhom huma grazzi għal dak l-istess partit.
Il-militanza tibqa' iżda għodda neċessarja u kardinali għal kull partit politiku, trade union jew għaqda li tixtieq tilħaq l-għanijiet tagħha, meta ma jkunx fadal wisq toroq oħra.
Jekk wieħed jammirax jew le l-għaqda Repubblika jibqa' fatt li hi flimkien ma' għaqdiet żgħar oħrajn kienu kruċjali biex inbniet narrattiva u momentum li laħaq il-qofol tiegħu bħal dan iż-żmien sena u li laħaq l-għan tiegħu. L-għan immedjat ta' Repubblika, anke meta wieħed iħares lejn xi messaġġi jew karikaturi propogandistiċi tal-istess għaqda, kien li jneħħi lil Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi, prinċipalment, permezz ta' militanza organizzata minn settur tal-popolazzjoni li ħassu motivat li jinżel fit-toroq darba wara l-oħra, għax ħassu inġurjat mill-Gvern immexxi minn dawn it-tlieta
Issa wieħed jaf, jekk ifittex, isib li l-għan ta' parti minn dik il-folla, jew ħafna minnha, ma kinitx il-governanza jew it-trasparenza per se, imma r-rabja għall-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia u s-suspett li dan ġie ippjanat jew mandat minn nies fi Gvern li huma diġa' kienu suspettużi ħafna fih sa mill-2013. Allura kellek l-akkużi minn ħafna Laburisti u anke l-messaġġ sottili jew le mill-midja tal-PL li dawk li kienu qed jipprotestaw kienu "nazzjonalisti li jridu jwaqqgħu l-Gvern", "għajjurin għas-suċċess ta' Joseph", "iddisprati" u "negattivi li m'għandhomx xejn x'jagħmlu f'ħajjithom."
Lilhinn mill-veraċità ta' tgħajjir u akkużi bħal dawn li kienu l-ordni tal-ġurnata sena ilu, l-għan ta' Repubblika intlaħaq għax Muscat, Schembri u Mizzi kellhom jirriżenjaw.
U dan sar - ironikament - permezz tal-militanza li ħafna minn dawk li kienu qed jipprotestaw probabilment kienu jikkritikaw meta kienet issir taħt Gvern Nazzjonlista. It-tisbit fuq il-borom, l-għajjat, it-tgħajjir, l-attakk fuq il-karozzi tal-ministri, il-protesti kważi kuljum fil-Belt Kapitali, tfigħ ta' bajd u l-lingwaġġ iebes użat kontra persuni fil-Gvern ma kien xejn jekk mhux il-militanza politika fl-aqwa tagħha.
Mela allura, l-ewwel tagħlima li ħadna hija li minkejja l-ħafna narrattiva kapitalista tal-lemin li l-militanza hija ħażina u li l-għanijiet jintlaħqu biss "madwar il-mejda", l-avvenimnenti ta' sena ilu wrew li jekk il-militanza jkollha bażi fuqhiex tiġi organizzata (f'dan il-każ l-assassinju u l-implikazzjoni li Keith Schembri mdaħħal fih) tista' tħalli l-frott.
Dan huwa veru mhux għal Malta biss imma għal kull demokrazija fejn sezzjoni tal-poplu tħossha inġurjata jew traduta mill-Gvern.
Rebħa kbira tagħti leġittimità daqs kemm dik il-leġittimità hija rispettata
Huwa fatt li r-rebħa Laburista fl-2017 kienet massiċċa, forsi inqas mistennija minn dik tal-2013 u waħda rekord, sa dakinhar.
Mill-2013 fil-fatt il-poplu ta leġittimità ċara ħafna lill-Partit Laburista mmexxi minn Joseph Muscat. Ikbar kemm tkun ir-rebħa ta' partit iktar allura dak il-Gvern ikollu leġittimità demokratika, naturalment dan ma jgħoddx għal riżultat 80% - 20% li mhumiex xi ħaġa kompletament aljena f'ċerti pajjiżi bi kredenzjali demokratiċi dubjużi.
Il-punt huwa li fil-kuntest ta' riżultati elettorali lokali l-Partit Laburista għamel rebħiet storiċi u ta' portata kbira.
Dak li seħħ sena ilu wera' - proprju għaliex kien eżerċizzju demokratika f'pajjiż demokratiku - illi d-demokraziju ma taħdimx biss darba f'ħames snin imma tibqa' proċess ħaj li jevolvi matul il-leġiżlatura ta' Gvern.
Sal-lum akkużat bl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia hemm persuna waħda. Imma implikazjonijiet tqal hemm fuq oħrajn, prinċipalment fuq Keith Schembri li kien l-aktar figura b'saħħitha fil-Gvern Laburisa ta' Muscat. Dawn l-implikazzjonijiet splussivi spiċċaw wrew li huma aktar b'saħħithom mill-leġitimità tal-famużi 40,000 vot. Dan għaliex tefgħu dell tqil ħafna fuq l-operat tal-Gvern mhux biss lokalment imma fuq livell Ewropew u anke fuq livell internazzjonali.
L-akkużi ta' Fenech quddiem il-pulizija li Schembri kien il-mandant tal-assassinju ta' ġurnalista u li kien ħallas sa €80,000 għal dan il-qtil - wara xhur sħaħ ta' battibekki minħabba l-kumpaniji ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi fil-Panama - kienu tant tefgħu toqol fuq il-Gvern li bil-mod, il-mod il-pożizzjoni tiegħu ma baqgħetx sostenibbli, minkejja r-riżultat elettorali li kien kiseb fl-2017.
Dan allura jurina illi l-kobor ta' rebħa elettorali tagħti leġittimità daqs kemm dik il-leġittimità ma titpoġġiex f'dubju serju minħabba reati, allegazzjonijiet ta' reati u kriminalità, abbuż ta' drittijiet tal-bniedem u aktar - għallinqas f'demokrazija tal-punent. Kieku d-daqs ta' rebħa hija somma li tirriżulta f'garanzija ta' snin fil-Gvern, kieku Joseph Muscat għadu Prim Ministru u għad fadallu ħafna snin fit-tmun tal-pajjiż.
In-nuqqasijiet tal-Gvern ma jistgħux isalvaw lill-Oppożizzjoni
L-avvenimenti ta' sena ilu kellhom jkunu l-avvenimenti politiċi li jagħtu mhux biss skop imma impetu politiku qawwi lill-Oppożizzjoni. Fil-fatt jekk kien hemm kwistjoni li l-Partit Nazzjonalista kellu jagħmilha tiegħu u jmexxi hu kellha tkun propju l-għajta wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Din il-kwistjoni, minflok, firdet lill-Oppożizzjoni u mhux lill-Gvern, fejn reġa' kien hemm dak li bl-Ingliż ngħidulu closing of the ranks, fejn kulħadd idur qaqoċċa madwar il-Mexxej u l-partit, bħala risposta għall-attakk li jkun għaddej. Minn naħa l-oħra l-PN inqasam bejn dawk li riedu jkunu fuq quddiem u l-Kap Nazzjonalista li la tħalla jkun fuq quddiem mill-familja Caruana Galizia, u lanqas jitfa' l-fjuri fl-anniversarju tal-assasinju tagħha.
Din il-qasma hija ħafna iktar fonda minn sempliċiment uffiċjali tal-partit kontra oħrajn, fil-fatt l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia aljenat bil-kbir faxxa wiesa' ta' votanti tradizzjonalment Nazzjonalisti mill-partit. U dan irrriżulta fl-2019 - qabel l-iżviluppi kollha li waslu għar-riżenja ta' Muscat - meta l-PN tilef l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew bi ftit aktar minn 42,000 vot u l-elezzjonijiet tal-Kunsilli b'distakk ta' 47,000 vot.
Il-PN fil-verità kompletament tilef din l-opportunità tad-deheb minħabba l-fatt li Daphne Caruana Galizia kienet saħansitra ħarġet diversi stejjer dwar Adrian Delia u dawk li kienu qed jappoġġjawh. Fosthom dwar kont f'Jersey li minnu kienu allegatament għaddejjin flejjes minn attivtajiet ta' prostituzzjoni f'Soho u passat dubjuż ta' numru ta' kanvassers tiegħu. Delia wieġeb bil-qawwi f'diskors partikolari illi fih kien iddeskriva lil Caruana Galizia bħala 'biċċa blogger'.
Delia qatt ma seta jagħmel din il-ġlieda tiegħu.
Għalhekk sena ilu, jekk qatt kellna bżonnha, kellna l-akbar konferma li anke meta l-Gvern ikun moralment fil-qiegħ akkużat b'affarijiet koroh, bit-tieni l-aktar persuna prominenti fih implikat f'assassinju u meta r-rabja kontra l-istess Gvern kienet palpabbli anke fost il-votanti floaters, dan ma jirriżultax b'mod awtomtiku f'appoġġ lejn l-oppożizzjoni.
Dan fil-fatt jibqa' wieħed mill-aktar punti notevoli.
Il-fatt li l-PN ma dawwarx il-fortuni politiċi tiegħu - imqar bi ftit - b'dawn l-avvenimenti kien qed ipoġġi dawl fuq l-istat ħażin ħafna tal-istess partit.
Fil-fatt matul din is-sena, wara li s-sitwazzjoni fil-Partit Laburista nbidlet hekk kif kien elett Robert Abela Mexxej Laburist u Prim Ministru ġdid, l-attenzjoni daret fuq l-eks Kap tal-Oppożizzjoni, sakemm iktar kmieni din is-sena kienu t-tesserati stess b'vot massiċċ ta' 70% favur Bernard Grech li neħħew lil Adrian Delia mit-tmun tal-partit.
Il-paċi politiku mhux garantit
Pajjiżna fl-istorja tiegħu għadda minn diversi mumenti ta' tensjoni soċjo-politika. Lura fil-50ijiet, meta il-poplu għamel rewwixti fit-toroq fl-istrajk ġenerali tat-28 ta' April 1958. Lura fis-60ijiet, bil-Partit Laburista mmexxi minn Dom Mintoff u t-tensjoni mal-Knisja meta din kienet tlaqqa' lin-nies "taħt l-umbrella", tordna d-daqq tal-qniepen waqt li jitkellem Mintoff filwaqt li tqis dnub mejjet li tivvota lill-Partit Laburista.
Fit-80ijiet il-pajjiż ra t-tensjoni tiżdied u tilħaq livelli perikolużi b'żewġ vittmi politiċi: Raymond Caruana u Karin Grech - filwaqt li saru bombi u attakki mal-każini taż-żewġ partiti, it-tkissir tal-Kurja u t-tkissir tal-binja fejn kienet qed topera The Times u ħafna iktar.
Dawn kollha kienu żminijiet fejn it-tensjoni politika u l-polarizzazzjoni laħqu livelli perikolużi u waslu għal firdiet serji fis-soċjetà, inkluż fost il-familji, antipatiji soċjali, klassiżmu u vjolenza.
L-avvenimenti ta' sena ilu kienu dwar qtil politiku ieħor, dak ta' Daphne Caruana Galizia. Kien politiku għaliex - qiegħed isir dejjem iktar ċar li l-qtil tagħha huwa marbut ma' kuntratt jew kuntratti pubbliċi korrotti, b'implikazzjonijiet politiċi serji.
Il-protesti u l-polarizzazzjoni li kienu qed jilħqu qċaċet li kienu ilhom ma jilħqu, fakkru li d-demokrazija hija fraġli u xejn mhu garantit f'pajjiż fejn il-politika għadha tilgħab parti (wisq!) ċentrali fil-ħajja u fl-għażliet ta' bosta.
Minkejja ġenerazzjonijiet illi fosthom qed jiżdiedu dawk li ma humiex marbutin ma' karru partiġġjan, ir-rabta profonda u ġenerazzjonali bejn il-Malti u l-partit li jżomm miegħu għadha fonda u fiha għadha tiġi investita ħafna emozzjoni u enerġija.
Din hija riċetta li hija sana minn naħa għax taċċerta s-sehem ta' ħafna nies fid-demokrazija, pero' perikoluża meta l-arja politika tiqras u ssir tossika bħal ma ġara f'Novembru u Diċembru tal-2019.