Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni Bernard Grech akkuża lid-Direttur tal-Ħabs b'arroganza meta dan qal li l-ġurnalisti ma għandhomx perikli f'xogħolhom, "ħlief forsi tirwi saqajk int u nieżel it-tarġa." Hu għamel dan il-kumment ilbieraħ waqt il-programm l-Erbgħa Fost il-Ġimgħa fejn kien mistoqsi wkoll dwar is-siġġu fil-ħabs, storja rrappurtata fil-faċċata tal-gazzetta ILLUM nhar il-Ħadd li għadda.
Grech, f'messaġġ fuq Facebook, qal illi dan il-kumment sar "waqt li pajjiżna għadu taħt xokk bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia snin ilu."
Il-Kap Nazzjonalista saħaq li l-l-Prim Ministru għandu "minnufih jiddiżassoċja ruħu mid-Direttur tal-Ħabs inkella jkun kompliċi f'din id-dikjarazzjoni irresponsabbli u fl-aġir totalitarju tiegħu." Dan filwaqt li esprima solidarjetà mal-ġurnalisti li jfakkar illi jiffaċċjaw perikli ta’ kuljum fit-twettiq ta' dmirijiethom, "kif ukoll solidarjetà mal-gwardjani u l-ħaddiema tal-ħabs li jiffaċċjaw perikli regolari fit-twettiq ta' xogħolhom."
Intant iktar kmieni llum id-Direttur tal-Ħabs Alex Dalli talab apoloġija għal dan il-kumment. "Dan ma sar b’ebda intenzjoni ħażina u ta’ dan nitlob apoloġija," sostna d-Direttur li bħaslissa jinsab fl-għajn ta' ħafna kritika wara l-11-il mewt ta' persuna kemm ilu direttur hu u akkużi li qed imexxi l-Ħabs bil-biża' u l-kastig, xi ħaġa li hu qed jiċħad.