Muscat kien jaf li 17 Black kienet dwar negozju komuni bejn Keith Schembri u Yorgen Fenech
Waqt ix-xhieda tiegħu Muscat jistaqsi jekk kienx hemm attentat ta' frame-up fuqu waqt l-awgurju tal-Milied fl-2018 meta fi ftit sekondi mar Melvin Theuma u anke bint Vince Muscat
minn Yendrick Cioffi
Illum, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat xehed fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, waħda mill-akbar kritiċi tiegħu tul il-karriera politika kollha tiegħu li bdiet fl-2008 meta sar Mexxej Laburista.
L-inkjesta dwar l-assassinju li heżżeż pajjiż qed tinvestiga ċ-ċirkostanzi li setgħu ħolqu l-klima li wasslet għall-assassinju ta' Caruana Galizia u dan fi żmien li l-istess Joseph Muscat kien Prim Ministru.
Kienet Caruana Galizia li kitbet dwar dik li Muscat stess iddeskriva bħala "l-akbar gidba fl-istorja politika," jiġifieri li kienet martu Michelle Muscat is-sid tal-kumpanija Egrant fil-Panama.
Din kienet it-tielet kumpanija miftuħa fil-Panama flimkiem ma' dawk tal-eks Ministru Konrad Mizzi u l-eks Chief of Staff f'Kastilja, Keith Schembri.
Minkejja rebħa akbar minn oħra, Muscat kellu jirriżenja fl-2019 meta kriżi politika bla preċedent waslet għal jiem sħaħ ta' protesti fil-Belt Valletta wara li kien ġie arrestat Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija 17 Black, deskritta bħala "target client" tal-kumpaniji fil-Panama ta' Schembri u Mizzi u li fiha saħansitra, allegatament, daħal pagament ta' €160,000 mingħand kumpanija bl-isem ‘Orion Engineering’, kumpanija li s-sid tagħha huwa aġent lokali nvolut fil-proġett tat-tanker tal-gass.
Tul ix-xhur ħarġet ukoll fil-beraħ il-ħbiberija bejn Fenech u Muscat. Ta' min wieħed ifakkar fiż-żewġ fliexken inbid fin Petrus li Yorgen Fenech kien ta lil Muscat meta dan kien mistieden għal festin fil-Girgenti f'għeluq snin il-Prim Ministru. L-istess Fenech kien ta lil Muscat arloġġ tal-Bvglari li jiswa' €20,000.
Ħarġet ukoll ċara l-ħbiberija li kien hemm bejn Keith Schembri, l-id il-leminija ta' Muscat u Yorgen Fenech. Schembri stess ammetta li ftit qabel Yorgen Fenech prova jħalli Malta, kien kellmu biex jipprova jikkonviċih ma jagħmilx dan.
Tul il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech, l-intermedjarju Melvin Theuma qal għal aktar minn darba li kien l-istess Schembri li kien jinforma lil Yorgen Fenech bid-dettalji tal-invesigazzjoni u saħansitra r-rejds u l-arresti li kellhom isiru.
Minkejja din il-ħbiberija, Schembri kien ukoll preżenti għal-laqgħat mas-Servizzi Sigrieti dwar dan l-assassinju.
Irriżulta wkoll li saħansitra kienet teżisti chat fuq Whatsapp bejn Joseph Muscat, Keith Schembri u Yorgen Fenech.
Joseph Muscat jasal u ma jgħidx kelma lill-ġurnalisti ... grupp żgħir ta' nies bit-tabelli
L-eks Prim Ministru Joseph Muscat wasal il-Qorti ftit qabel id-9:30pm. Minkejja l-għadd ta' mistoqsijiet tal-ġurnalisti, Muscat ma lissen l-ebda kelma.
Sadanittant, grupp żgħir ta' nies dehru quddiem il-Qorti jżommu tabelli fosthom bil-kliem: 'xtrawk b'arloġġ.'
Muscat jistaqsi jekk huwiex taħt investigazzjoni
Immedjatament wara li ħa l-ġurament Muscat minnufih staqsa jekk huwiex taħt investigazzjoni jew inkella fuq Police bail.
It-tweġiba għal din id-domanda kienet le.
Jikkritika l-inkjesta
Qabel beda jiġi mistoqsi, Muscat talab li jagħmel ftit punti dwar l-inkjesta. Insista, fost oħrajn, li l-inkjesta spiċċat eżerċizzju għall-kurżità u li l-mistoqsijiet li bdew jiġu mistoqsija ftit li xejn għandhom x'jaqsmu mat-termini tar-referenza tagħha.
Insista li l-investigazzjoni kellha tiffoka fuq l-Istat u mhux sempliċiment fuq il-Gvern.
Saħaq li Caruana Galizia kienet ukoll kritika tal-Oppożizzjoni fl-aħħar sitt xhur u minkejja dan, waqt l-inkjesta qatt ma nstema' xejn fuq hekk.
Jgħid li ma kellux l-iċken idea li l-ħajja ta' Caruana Galizia kienet f'riskju
L-eks Prim Ministru kompla jisħaq li jrid jagħmilha ċara li hu qatt ma kellu informazzjoni li l-ħajja ta' Caruana Galizia kienet f'riskju.
Qal li Caruana Galizia kienet tgħid li ma tafdax lill-Pulizija u kienet tirrifjuta li jkollha magħha uffiċjali tas-sigurtà
"Jiena kont tlab lil John Rizzo (eks Kummissarju) biex jieħu l-passi kollha biex jipproteġi lilha u lill-familja tagħha," saħaq Muscat.
Fi kliemu, kien hemm total ta' 140 karozza bomba u kien każ wieħed biss li ġie solvut.
Kompla jfakkar li l-Gvern immexxi miegħu kien neħħa l-preskrizzjoni fuq reati ta' korruzzjoni
Fakkar kif fis-sena 2000 kien hemm bomba li tpoġġiet quddiem id-dar tal-editur ta' Orrizont, Frans Ghirxi u kif fl-2006 saħansitra Caruana Galizia meta nħarqu tyres mar-residenza tagħha.
STQARRIJA LILL-BORD TA’ INKJESTA DWAR L-ASSASSINJU TA’ DAPHNE CARUANA GALIZIA ENGLISH VERSION FOLLOWS Sur...
Posted by Joseph Muscat on Friday, 4 December 2020
Insista li qabel sar Prim Ministru kienet tispikka l-impunità u fi kliemu, l-inkjesta minflok ħliet ħmistax tiddiskuti storja li l-ġurnalisti kienu nżammu "ostaġġi" f'Kastilja.
Kompla jisħaq li ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni għall-assassinju tagħha. "Personalment, il-mument li sar l-assassinju kont naf li l-ħajja politika tiegħi se tkun immarkata bih daqs kemm bl-affarijiet kollha li ppruvajt nagħmel għal pajjiżna," insista Muscat. "Kont deciż minn qabel dħalt fil-politika li nagħmel biss żewg termini bħala Prim Ministru, għax jien tip li rrid sfidi ġodda u mhux noqgħod naqleb minn pultruna għal oħra, kif kienu imdorrija ħafna politiċi u anki ġudikanti. Dak li ġara fis-16 ta’ Ottubru 2017 ġegħlni niddeċiedi li qabel nitlaq nara li jkun hemm żblokk f’dan il-każ. Ma ridtx inkun bħal Prim Ministri ta’ qabli li parlaw iżda ma għamlu xejn dwar delitti maġġuri."
Insista li hu tela' jixhed biex iwieġeb biss il-mistoqsijiet li għandhom x'jaqsmu mal-inkjesta.
'Il-parir tiegħi kien li ninjorawha'
L-Imħallef Mallia jibda jistaqsi lil Muscat dwar il-kritika ta' Caruana Galizia u l-fatt li kien infetaħ blogg minn Glenn Bedingfield biex iwieġeb għaliha.
Muscat saħaq li Caruana Galizia kienet taqleb mill-ġurnaliżmu "world-class" għal sempliċiment "zekzik."
Insista li l-parir tiegħu dejjem kien li jinjoraw dawn il-kitbiet. "Qatt ma għamilt diskorsi ngħid li kienet 'biċċa blogger' minkejja li kienet tikteb fuqi. Iddeskrivitni bħala l-poodle ta' Alfred Sant," insista Muscat.
Fi kliemu, meta tkun fil-ħajja pubblika trid tkun reżiljenti għad-daqqiet tal-ponn.
Dwar Glenn Bedingfield, Muscat saħaq li hu kien jinsisti fuq il-libertà tal-espressjoni iżda hu kien jgħidlu biex ma jirreaġixxix.
'Qatt ma kelli kont barra minn Malta'
Il-mistoqsijiet iduru fuq il-Panama Papers. Beda jisħaq li mbilli persuna jkollha struttura finanzjarja ma jfissirx awtomatikament li qed jagħmel xi ħaġa kriminali. Insista li llum nafu aktar minn dak iż-żmien.
Madanakollu kompla jgħid li dawk li ssemmew fil-Panama Papers u anke s-Swiss Leaks ma jfissirx li kellhom motivi ulterjuri. Fakkar li kien hemm negozjanti Maltin u membri tal-ġudikatura li kienu msemmija.
Dwar Konrad Mizzi, Muscat qal li hu kien iddikjara dan fid-dikjarazzjoni tal-assi u li lilu kien qallu li għamel dan għal raġunijiet familjari.
Kompla jisħaq li minnufih ittellgħu billboards li indirettament bdew jimplikaw lilu iżda hu saħaq li qatt ma kellu kontijiet barra minn Malta.
'Dħaqt meta qrajt li Egrant kienet ta' Michelle
L-eks Prim Ministru insista li hu qatt ma rreaġixxa, anke meta għajruh ir-re tal-korruzzjoni, għax jemmen fil-libertà tal-espressjoni.
"Dak huwa wieħed mill-akbar argumenti meta nkun id-dar jew mal-ħbieb," insista Muscat.
Inkjesta ta' din is-serjeta trid tistrieh fuq il-fatti mhux fuq il- kieku.
Posted by Joseph Muscat on Friday, 4 December 2020
Insista li meta sema li l-kumpanija Egrant kienet ta' Michelle kien 'daħak' u staqsiha jekk qattx fetħet xi kumpanija. Fuq Facebook kiteb hekk: "Il-gidba ta' Egrant ġiet misqija lil Daphne Caruana Galizia. Jien kont naf li ma kelli ebda strutturi finanzjarji barra l-pajjiz."
Fakkar li hu kien wiegħed li jekk ikun hemm biċċa realtà kien lest jirriżenja.
'Naħseb li żbaljajt meta tlabt lil Manwel Mallia u lil Michael Falzon jirriżenjaw minn Ministri'
Il-mistoqsijiet iduru fuq Ministri li wkoll kienu qed jiffaċċjaw allegazzjonijiet, partikolarmant Manuel Mallia u Michael Falzon.
Illum, b'idi fuq qalbi, naħseb li żbaljajt fil-każijiet meta tlabt lil Manwel Mallia u lil Michael Falzon jirriżenjaw minn Ministri," kiteb Muscat.
Illum, hand on heart, nahseb li zbaljajt fil kazijiet meta tlabt lil Dr Manwel Mallia u lil Dr Michael Falzon jirrizenjaw minn Ministri.
Posted by Joseph Muscat on Friday, 4 December 2020
Dwar l-inkjesta fuq allegazzjonijiet ta' tixħim li rċieva Schembri mill-programm taċ-ċittadinanza, Muscat insista li huwa fl-interess ta' kulħadd li tkun magħrufa l-konklużjoni tagħha.
"Irrid inkun naf jekk l-eks Chief of Staff tiegħi ħax tixħim, kulħadd għandu dritt ikun jaf," insista Muscat.
'L-inkjesta tista' tkun qed tippreġudika x-xogħol tal-Pulizija'
Muscat reġa' rritorna fuq l-inkjesta u fakkar f'dak li ntqal, anke mill-Kummissarju tal-Pulizija, jiġifieri li l-investigazzjoni dwar l-assassinju għadha għaddejja u li l-motiv għadu mhux magħruf.
Kien għalhekk li saħaq li x-xogħol ta' din l-inkjesta jista' jidher li qed jippreġudika l-każ.
Fakkar li mhux qed ikun lanqas eskluż li hemm imħuħ oħra wara l-assassinju u għalhekk saħaq li huwa xettiku dwar iż-żmien li fih qed issir l-inkjesta.
'Ma hemm l-ebda kitchen cabinet'
L-Imħallef Malta jistaqsih dwar l-impunità jew persuni madwaru li kienu jaħsbu li ħadd ma jista' għalihom.
Muscat insista li hu dejjem kien aċċessibbli għal kulħadd u li qatt ma ta l-arja lil ħadd.
Dwar il-'kitchen cabinet' li kien semma l-eks Ministru Edward Scicluna, Muscat wieġeb hekk: "Bħala PM jien sejjaħt medja ta' erba' laqgħat fix-xahar tal-Kabinett. Konna niltaqgħu kull ġimgħa bl-eċċezzjoni tal-Għid il-Kbir u l-Milied. U jien kont nisma' lil sħabi u nitkellem l-aħħar biex ma noqtolx id-diskussjoni. Ħadd mill-Ministri ma kien jgħidli li kien hemm kitchen cabinet. Anzi wara kull laqgħa tal-Kabinett kont niltaqa' b'mod individwali ma' numru ta' Ministri," insista.
Minn 17 Black Muscat idur fuq Eddie Fenech Adami
Il-mistoqsijiet iduru fuq il-kumpanija 17 Black li s-sid tagħha huwa Yorgen Fenech, bl-Imħallef jisħaq li n-negozjanti resqu aktar viċin tal-politika.
Iżda Muscat jisħaq li kull Gvern irid ikun viċin in-negozjanti għax inkella xejn ma jsir u l-ekonomija ma timxix 'il quddiem.
Kien hawn li rrefera għall-awtobijografija ta' Eddie Fenech Adami dwar meta waqa' l-Gvern ta' Alfred Sant fl-1998.
Fenech Adami kien talab lid-Deputati kollha biex ikunu preżenti l-Parlament iżda John Dalli kien barra minn Malta.
Muscat fakkar li Fenech Adami kien irranġa ma' Tumas Group biex malajr kemm jista' jkun iġibu lura lil Dalli mil-Libja.
"Fenech Adami ma kellux Whatsapp dakinhar imma ċempel. Mhux qed ngħid li hemm xi ħaġa ħażina," insista.
Frame-up li ma rnexxix?
Muscat saħaq kif fil-Milied tal-2018, qabel l-awguri tan-nies f'Kastilja kienu kellmuh is-Servizzi Sigrieti. Qal li kienu ifurmati li Melvin Theuma se jiġi Kastilja jagħtih l-awguri tal-Milied u jieħu ritratt miegħu. Fil-fatt dan seħħ, insista Muscat.
Fil-Milied tal-2018 ftit jiem qabel l-awguri tan- nies f'Kastilja, intlabt biex jigu jkellmuni s- servizzi sigrieti....
Posted by Joseph Muscat on Friday, 4 December 2020
Kompla jisħaq kif ftit wara daħlet bint Vince Muscat, il-Koħħu u staqsietu x'se jagħmlu dwaru.
"Għidtilha jien ma nitkellimx dwar dawn l-affarijiet. Imxi. Dak il-ħin infurmajt lis-servizzi sigrieti. Għandi dubji kbar jekk kienx hemm xi frameup moħmi li ma irnexxix, insista Muscat.
Muscat u l-ħbiberija ta' Yorgen
Joseph Muscat insista li hu ltaqa' l-ewwel darba ma' Yorgen Fenech fl-2008 u fl-2009.
Qal li kienu jiltaqgħu darba fil jew jibgħatu xi messaġġ. Ikkonferma li kien jaf li Yorgen kien ħabib ta' Schembri.
Ikkonferma wkoll li kellu Whatsapp Chat ma' Fenech u Schembri. Insista li fiha kien hemm ritratti ta' inbid u xorb imma mhux ta' nisa kif irrapportat.
"Kien hemm ħbiberja. Mhux niċħad dan. Jien ħabib ma' kulħadd," kompla.
Insista li meta seħħ dan kollu u Yorgen Fenech ġie arrestat, fehem li din il-ħbiberija se tiġi għal wiċċu. Madanakollu insista li l-Pulizija qalulu li hu mhux taħt investigazzjoni.
"Jien lill-Pulizija qatt m'għidtilhom x'jagħmlu jew ma jagħmlux. Ma kienx kompitu tiegħi. Anke fil-każ tas-sinjura Caruana Galizia kienu l-pulizija li kienu jitolbu li jżommuni aġġornati u jitolbuni parir. Kont ngħidilhom involvu lill-Europol u lill-Magistrat Inkwerenti," kompla jixhed l-eks Prim Ministru.
'Daphne nqatlet meta saret irreleventi'
Meta kompla jiġi mistoqsi dwar l-assassinju, Muscat insista li hu dejjem kien favur il-libertà tal-espressjoni.
Tkellem dwar dak li għaddew minnu uliedu meta kienu jaraw posters li jpenġuh bħala kriminal waqt li jkunu sejrin l-iskola.
Iddeskriva lil Caruana Galizia bħala "one-woman show," li ħadet fuqha l-irwol ta' oppożizzjoni.
"Caruana Galizia nqatlet meta kienet saret irrelevanti għal kulħadd, għall-Gvern u għall-Oppożizzjoni. Naf li l-familja tagħha mhux se jieħdu gost b'dan. Min għamel dan ir-reat huwa stupidu," insista Muscat.
'Dak li ddiskutejt mal-Ministri tiegħi jibqgħu privati'
L-Imħallef Joseph Said Pullicino jgħid lil Muscat li ministri xehdu li huma kienu tawh il-parir biex ikeċċi lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri.
"Dak li niddiskuti mal-Ministri tiegħi jibqa' fil-privat ... jista' jkun li għamilt ġudizzju politiku ħażin," insista Muscat.
Stajt imxejt b'iktar sahha fuq il-Panama Papers. Jista jkun li ghamilt gudizzju politiku hazin. Imma immedjatament...
Posted by Joseph Muscat on Friday, 4 December 2020
Għal darb'oħra, l-attenzjon ddur fuq 17 Black. L-Imħallef ifakkar lil Muscat li din il-kumpanija twaqqfet għal pagamenti illegali li jinvolvu kemm lil Yorgen Fenech u anke lil Keith Schembri.
Kif għamel dejjem sa issa, Muscat dawwar l-attenzjoni fuqu u saħaq li kien allegat li anke hu kien qed jieħu l-flus u ġie ppruvat li dan mhux minnu.
Fil-fatt, filwaqt li ammetta li seta' żbalja meta ma ħax deċiżjonijiet qabel dwar il-Panama Papers, Muscat insista li "l-gidba" Egrant ikkondizjonatu u allura beda jiddubita dak kollu li kien qed jintqal.
'Tlaqt għax arrestaw lil Keith'
Mistoqsi dwar meta jaħseb li Keith Schembri żbalja, l-eks Prim Ministru insista li hu mhux f'pożizzjoni li jiġġudika.
Il-mument li kien hemm investigazzjoni li misset l-ufficcju tieghi, mhux lili, erfajt ir- responsabilita kollha.
Posted by Joseph Muscat on Friday, 4 December 2020
Qal biss li żbalja mill-ewwel ġurnata. Fi kliemu, qatt ma missu fetaħ il-kumpanija fil-Panama. "Min ta l-parir għamel dan mill-aspett legali u finanzjarju imma żgur mhux mil-lenti politika," insista.
Mistoqsi għaliex irriżenja, Muscat saħaq li għamel dan għax iċ-Chief of Staff tiegħu ġie arrestat.
'Qalbi waqqfet'
Muscat ikun mistoqsi dwar il-ħin li fih inqatlet Daphne Caruana Galizia.
Insista li malli qalulu li kien hemm splużjoni f'Burmarrad ċempel minnufih lil missieru għax għandu kamra tan-nar hemm.
Kompla jisħaq li malli qalulu li l-isplużjoni kienet seħħet il-Bidnija, qalbu waqfet. Insista li ftit wara Keith Schembri daħal fl-uffiċċju tiegħu u qallu li jekk ma jinvolvux lill-Amerikani, il-qtil qatt ma kien se jkun solvut.
Schembri minnufih għamel kuntatt mal-Ambaxxata Amerikana.
Muscat jingħata pariri biex imur għal elezzjoni bikrija oħra
Muscat jerġa' jkun mistoqsi dwar il-mument li fih irriżenja.
"Kieku wieħed mill-kollaboraturi tiegħi kien mgħajjat biex ikun mistoqsi dwar każi ta' korruzzjoni kienet tkun storja oħra. Imma li jkun arrestat b'rabta ma' reat maġġuri, allura l-pożizzjoni tiegħi ma baqgħetx tenibbli," insista.
"Ma kienx hemm triq oħra. Għalkemm kont ingħatajt parir biex immur ukoll għal elezzjoni bikrija," kompla jixhed l-eks Prim Ministru.
'Il-familja Caruana Galizia u l-PN qed jiddeċiedu'
Hekk kif bdew jistaqsu l-Avukati tal-familja, Jason Azzopard u Therese Comodini Cachia, l-avukati ta' Joseph Muscat, fosthom Pawlu Lia, qed jopponu kważi kull mistoqsija u jisħqu li mhumiex relevanti għax huma mistoqsijiet politiċi.
Meta l-Imħallef Mallia insista mal-Avukat Lia li l-familja għandha dritt tintervjeni, Lia insista li l-familja qed tiddeċiedi min jitla' jixhed.
"Huma qed jiddeċiedu u l-PN. Għandkom narrattiva u ġa tafu fejn sejrin," ipprotesta l-Avukat.
Muscat u Fenech: 'Ilqajna soċjalment u rati tkellimna fuq proġetti'
Comodini Cachia tistaqsi lil Joseph Muscat biex jikkjarifika x'ried ifisser meta qal li hu ngħata pariri biex ikompli "b'mod normali" l-kommunikazzjoni tiegħu ma' Yorgen Fenech.
Muscat insista li kemm kien ilu jaf lil Fenech, iltaqa' miegħu soċjalment xi tmien darbiet.
Għall-mistoqsijiet tal-Avukati u l-bord, Muscat insista li rari tkellem fuq proġetti ma' Yorgen Fenech.
Muscat kien jaf li 17 Black kienet dwar negozju komuni bejn Keith Schembri u Yorgen Fenech
Comodini Cachia staqsiet lil Muscat jekk qattx staqsa lil Schembri dwar il-kumpanija 17 Black u s-sid tagħha.
"Le. Qatt ma staqsejtu. Keith Schembri qalli li kienet relatata ma' negozju komuni li kellhom bejniethom (ma' Yorgen) u li ma kellha xejn x'taqsam mal-Electrogas," kompla.
Comodini Cachia tistaqsi wkoll għaliex kien iħalli lil Schembri jidħol għal-laqgħat mas-Servizzi Sigrieti meta kien ħabib ta' Fenech.
Dwar is-Servizzi Sigrieti, Muscat talab li jixhed fil-privat.
Muscat jisħaq li ma kienx konxju ta' leaks
Jibda jistaqsi l-Avukat Jason Azzopardi. Jistaqsi lil Muscat jekk kienx jaf li Keith Schembri kien qed jgħaddi informazzjoni lil terzi persuni dwar l-arresti.
"Jekk dan seħħ, jiena ma kontx konxju tiegħu," wieġeb l-eks Prim Ministru.
Insista li hu ra l-arresti bħala rebħa kbira għall-Istat. Fakkar li din kienet l-ewwel darba li persuni li allegatament kienu involuti f'karozza bomba ġew arrestati, li ma kienx qed jaħseb li seta' kien hemm min qed jgħaddi informazzjoni lil terzi.
"Jekk dak li qed jingħad dwar ċertu persuni huwa minnu, allura jiena xxukjat. Qatt ma rajt għajn ħażina minnhom," insista.
Il-Whatsapp chat ma' Yorgen
Jason Azzopardi jistaqsi lil Joseph Muscat għaliex għażel li joħroġ mill-Whatsapp Chat ma' Yorgen xahar qabel l-arrest tiegħu u mhux meta sar magħruf li hu s-sid tal-kumpanija 17 Black.
"Naħseb żbaljajt li tlaqt mill-grupp," wieġeb Muscat.
Azzopardi jistaqsih ukoll meta sar jaf li Yorgen Fenech kien suspettat. Qal li ma jiftakarx id-data eżatt iżda wara l-2017.
L-Avukat ikompli jistaqsi wkoll lil Schembri għaliex dan kien mar id-dar tiegħu lejlet li ġie arrestat.
Qal li għamel dan biex jinfurmah li se jkun qed jirriżenja.
'Tlabt lil Keith jgħid lil Yorgen biex ma jitlaqx'
Jason Azzopardi jistaqsi wkoll lil Joseph Muscat jekk hux minnu li qal lil Keith Schembri biex iċċempel lil Yorgen Fenech biex jikkonvinċih ma jitlaqx mill-pajjiż, lejlet li ġie arrestat.
"Għidt lil Keith biex jgħid lil Yorgen biex ma jitlaqx. Ma għandi l-ebda rimors. Immaġina x'kont tgħid kieku din il-persuna kienet titħalla titlaq," wieġbu.
'Ma għandi l-ebda intenzjoni li nitlaq mill-pajjiż'
L-eks Prim Ministru xtaq li jagħmel dikjarazzjoni oħra fid-dawl ta' dak li qed jikteb fuqu Kenneth Rijock, blogger mill-Istati Uniti.
Insista li la hu u lanqas il-familja tiegħu ma għandhom l-ebda intenzjoni li jitilqu mill-pajjiż," saħaq.
Intant, ix-xhieda ta' Joseph Muscat se tkompli wara l-bibien magħluqa.