L-eks Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ġie approvat bħala l-Gvernatur il-ġdid tal-Bank Ċentrali hekk kif illum kellu s-smigħ quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Ħatriet Pubbliċi.
Il-Ministru kien mistoqsi minn Deputati tal-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar ix-xogħol tiegħu bħala ministru u anke fuq il-kompetenza tiegħu bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali.
Fost oħrajn kien mistoqsi dwar il-konċessjoni mogħtija lil Steward Healthcare u r-rapporti li Malta se tispiċċa tħallas €100 million jekk il-konċessjoni xi darba tintemm ħesrem.
Insista li dawn l-allegazzjonijiet huma bla bażi u dwar dan ġa wieġeb fil-Qorti.
Qal li għaddejin diskussjonijiet bejn il-Gvern u Steward u li ma jixtieqx jippreġudika l-każ.
Insista li jħares ‘il quddiem biss lejn soluzzjoni paċifika.
Wieġeb ukoll mistoqsijiet dwar Brexit u ċ-ċans li ma jintlaħaqx ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit u anke dwar it-tbassir ekonomiku għal Malta.
Insista li l-pożizzjoni ekonomika ta’ Malta qabel il-Covid-19 għenet lill-pajjiż biex seta’ jkompli għaddej u anke joħroġ b’saħħtu wara l-pandemija.
Il-mozzjoni għaddiet b’erba’ voti favur u tlieta kontra. Id-Deputati tal-Oppożizzjoni ivvotaw kontra.