Neville Gafa meħlus mill-akkużi li hedded ġurnalist Taljan

Gafa u l-ġurnalist kienu rrispondew lil xulxin fuq Twitter dwar is-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni fil-Mediterran

Il-Qorti ħellset lill-eks uffiċjal ta’ Kastilja, Neville Gafa mill-akkużi li hedded lill-ġurnalist Taljan Nello Scavo waqt argument fuq Twitter matul is-sajf li għadda.

Il-Maġistrat Charmaine Galea saħqet li ma kinitx konvinta b’dak li qal Scavo, jiġifieri li ħassu mhedded bit-tweet ta’ Gafa li kienet tgħid: “Waqqaf in-negozju maħmuġ tiegħek. Jekk le se nwaqqfuk aħna.”

Gafa kien qed iwieġeb tweet oħra ta’ Scavo wara li l-NGO Alarm Phone kienet ikkritikat u akkużat lill-pajjiżi Ewropej li qed jappoġġjaw lill-gwardji tal-kosta Libjani biex immigranti jintbagħtu lura l-Libja.

Il-ġurnlist jaħdem mal-gazzetta Avvenire u ilu minn Ottubru taħt il-protezzjoni tal-Pulizija.

Madanakollu, il-Qorti nnutat li dakinhar tat-tweet, f’Ġunju, Scavo ma kienx irreaġixxa b’mod li ssuġġerixxa li kien qed iħossu mhedded.

Il-Qorti nnutat ukoll li l-istess Scavo ma rrapportax lill-Pulizija Taljana u anke insistiet li falla milli jispjega kif ħassu mhedded.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Maġistrat spjegat kif il-proċeduri f’Malta bdew biss wara li l-Pulizija Maltija għamlu kuntatt ma’ Scavo kważi xahar wara, hekk kif kienu rċevew ilment minn xi ħadd f’Malta.

Meta xehed fil-każ, Gafa kien ċaħad li l-intenzjoni tiegħu kienet li jhedded lill-ġurnalist u saħaq li l-kummenti tiegħu kienu indirizzati lill-NGO.

Qal li l-kumment tiegħu kien wieħed politiku dwar l-immigrazzjoni illegali u x-xogħol tal-NGOs.

L-ebda rappreżentant minn Alarm Phone ma ntalab jixhed.

Ta’ min ifakkar li Gafa kien saħaq li kien imqabbad mill-Gvern immexxi minn Joseph Muscat biex ikun punt ta’ referenza, anke jekk mhux uffiċjali, mal-awtoritajiet Libjani biex tkun ikkontrollata s-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni.

L-irwol tiegħu ġie tterminat f’Jannar li għadda meta Robert Abela sar Prim Ministru.

More in Politika