Mark Camilleri japoloġizza u l-Gvern jiritira t-talba għar-riżenja

Camilleri kellu argument mal-avukat ta' Yorgen Fenech wara li qal illi min jibża' mill-inkjesti "għax ikollu ħafna x'jaħbi"

Mark Camilleri, Chairperson tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb
Mark Camilleri, Chairperson tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb

Mark Camilleri, fi tweet, qal li hu talab apoloġija għall-kliem li uża fil-konfront tal-avukat ta' Yorgen Fenech ilbieraħ, f'diskussjoni taħraq li kellu magħha dwar l-inkjesta pubblika. 

Camilleri qal fi status li tella' illi "min jibża’ mill-inkjesti pubbliċi u mill-verità huwa biss għax ikollu ħafna x’jaħbi. Inkjesta pubblika mhijiex hemm biex taqdi l-interessi politiċi ta’ dak u ta l-ieħor. Kuntent ħafna li grazzi għall-inkjesta pubblika sirna nafu ħafna iktar veritajiet ġodda. Jien nappoġġja bi sħieħ l-imħallfin biex ikomplu jagħmlu xogħolhom għal ġieħ il-verita."

Wara dan l-istatus, kien hemm diskussjoni privata bejn it-tnejn, illi fiha Camilleri offenda lill-avukata. 

Fl-istess tweet Camilleri li huwa ċ-Chairperson tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qal ukoll illi wara li tkerllem mal-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana kien deċiż li l-Gvern jirtira t-talba għar-riżenja tal-istess Camilleri. 

Iktar kmieni llum, fi stqarrija, l-għaqda Repubblika allegat li l-Gvern kien "pront jagħmel dak li qallu Yorgen Fenech." 

“Fi żmien 24 siegħa minn meta esprima din il-fehma il-gvern keċċieh. Dan bl-iskuża li Mark Camilleri uża kliem kulurit meta esprima rabja għall-indħil u l-bullying minn Yorgen Fenech, akkużat li qatel lil Daphne Caruana Galizia, u li issa qed iqabbad ‘l-avukati tiegħu biex jippruvaw ixaħħmu jew jintimidaw lil kull min jgħid li għandha ssir ġustizzja fil-każ ta’ Daphne Caruana Galizia,” saħqet l-istqarrija ta' Repubblika. 

 

More in Politika