L-ewwel Maltin se jieħdu l-vaċċin fis-27 ta' Diċembru
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne jikkonferma li qabel l-aħħar tas-sena jista' jibda t-tlaqqim
More in Politika
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne jikkonferma li qabel l-aħħar tas-sena jista' jibda t-tlaqqim
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursola von der Leyen saħqet li l-Unjoni Ewropea mistennija tibda tlaqqam liċ-ċittadini tagħha mis-27 ta' Diċembru, bil-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne jikkonferma wkoll li Malta se tibda tlaqqam l-ewwel persuni dakinhar ukoll.
Il-pjan huwa, spjega l-Ministru Fearne, li l-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni Ewropea jibdew jitlaqqmu fl-istess ġurnata.
"Dan huwa l-mument tal-Ewropa. It-tlaqqim fis-27, it-28 u d-29 ta' Diċembru se jibda fl-UE kollha," kitbet von der Leyen.
Fil-fatt, nhar it-Tnejn li ġej mistennija l-approvazzjoni tal-vaċċin ta' Pfizer mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini biex ftit tal-jiem wara d-dożi tal-vaċċin jibdew jaslu fil-pajjiżi.
Malta għandha allokati 500,000 doża tal-vaċċin ta' Pfizer. Dan ifisser li Malta jkollha biżżejjed dożi biex tlaqqam 250,000 persuna.
L-UE għandha ftehim mal-kumpaniji l-oħra, inkluż Moderna u AstraZeneca. Meta anke l-vaċċini ta' dawn il-kumpaniji jkunu approvati, Malta se se tkun allokata aktar dożi.
Il-Ministru Fearne kien ikkonferma li Malta se jkollha biżżejjed dożi biex tlaqqam il-popolazzjoni kollha.
L-ewwel persuni li se jitlaqqmu f'Malta se jkunu l-frontliners kollha, inkluż it-tobba, l-infermiera u l-ispiżjara, l-anzjani li għandhom 'il fuq minn 85 sena u anke dawk residenti fi djar tal-anzjani.
Wara jkun imiss anzjani oħra li wkoll għandhom viċin it-80 sena, frontliners oħra fosthom il-Pulizija, l-għalliema u anke l-persuni li jbatu minn mard kroniku.
L-istess vaċċin diġà ġie approvat u beda jingħata fir-Renju Unit u fl-Istati Uniti.
Aqra wkoll: