Illejla l-Parlament kompla jiddiskuti l-abbozz propost mill-Gvern biex jiġu fis-seħħ bidliet fil-qasam tal-kostruzzjoni u l-bini. Fost il-proposti li qed isiru hemm dik li titwaqqaf awtorità apposta li se tkun responsabbli u li tidħol fl-aspetti kollha tal-proprjetà u l-kostruzzjoni, filwaqt li tirregola s-settur. Din l-awtorità se tassorbi l-funzjonijiet kollha tal-Bord dwar il-Bini u se tkun responsabbli biex toħroġ linji gwida, kif ukoll tisma' lmenti u tara li jsir infurzar.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal, f'diskors fil-Parlament, li l-awtorità l-ġdida se tiffoka fuq ir-riċerka, l-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll se tieħu f'idejha s-sorveljanza tal-kwalità tal-bini u l-kostruzzjoni, filwaqt li ser iżżomm reġistru ta' fornituri tas-servizzi.
Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li stieden lill-Oppożizzjoni biex ikollha membru f'din l-awtorità.
Dawn il-bidliet huma parti minn qafas leġiżlattiv li l-Gvern qed iressaq 'il quddiem wara numru ta' inċidenti li kkulminaw fil-mewt ta' Miriam Pace is-sena l-oħra.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li hu tkellem ċar meta sena ilu seħħet traġedja li rat lil Miriam Pace titef ħajjitha. "Tkellimt ċar li dwar Miriam Pace u fil-każ tagħha ssir il-ġustizzja u min hu responsabbli jħallas ta' għemilu." Ifakkar li l-inkjesta maġisterjali kienet bdiet ftit wara, kif bdew l-investigazzjonijiet tal-pulizija, minnufih wara l-inċident. "Il-messaġġ li rrid nibgħat huwa ċar: Ħadd mhu 'il fuq mil-liġi," qal Abela li sostna illi l-każ miexi b'pass tajjeb fil-Qorti li trid tiddeċiedi hi dwar kif ser issir il-ġustizzja.
Il-Pulizija kienet arrestat sitt persuni f'konnessjoni ma' dan l-inċident fatali, biex aktar tard erba' persuni tressqu l-Qorti akkużati li wasslu għall-mewt ta' Pace.
Il-ġimgħa l-oħra l-avukat tal-familja Pace qal li l-famlija tinsab imħawda u mħassba għall-fatt li l-PM indika li r-rapport ta' inkjesta dwar il-każ mhux se jkun ippubblikat.