L-aħwa Alfred u George Degiorgio, li qed ikunu akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia qed jitolbu u jisħqu li l-kumpilazzjoni tal-evidenza kontrihom għandha terġa’ tibda mill-bidu għax qed jinsistu li l-Maġistrat li qed jippresiedi l-kumpilazzjoni, għandu “idejh marbutin” u qed jimxi biss fuq dak li jgħidlu l-Avulat Ġenerali.
L-aħwa Degiorgio għamlu din it-talba quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, bil-Qorti Kostituzzjonali qed tintalab tiddikjara li d-drittijiet tal-aħwa Degiorgio biex ikollhom smigħ xieraq qed ikunu miksura.
L-aħwa Degiorgio ilhom arrestati minn Diċembru tal-2017. Flimkien ma’ Vince Muscat qed ikunu akkużati li qatlu lil Daphne Caruana Galizia, permezz ta’ bomba fil-karozza tagħha.
Iż-żewġ akkużati qed jikkritikaw il-fatt li filwaqt li l-evidenza għadha qed tiġi mismugħa mill-Qorti, l-Avvukat Ġenerali ppreżenta att ta’ akkuża kontruhim.
L-Avukati tal-akkużati qed jisħqu wkoll li l-Maġistrat li qed imexxi l-kumpilazzjoni ma għandux biżżejjed poter biex jirregola l-evidenza li tinġabar u dan jaqa’ taħt l-Avukat Ġenerali, li fil-kawża huwa kontrihom.
“Għal aktar minn okkażjoni waħda, l-Avukat Ġenerali uża l-poteri tiegħu biex jikkontrolla dak li jiġi quddiem il-Qorti u jwaqqaf lil Alfred Degiorgio milli jagħmel kontro eżami u jipproduċi evidenza għad-difiża,” ikomplu jisħqu.
Fil-15 ta’ Lulju, ikomplu jisħqu l-akkużati, l-Avukat Ġenerali waqqaf il-kontro eżemi tal-espert tal-FBI Mario Cmarec u l-għada ppreżenta l-att tal-akkuża kontra l-irġiel u dan ifisser li l-atti tal-każ issa marru quddiem il-Qorti Kriminali.
L-aħwa Degiorgio qed jisħqu wkoll li ma tħallewx jippreżentaw evidenza għad-difiża tagħhom. F’Lulju 2019, Alfred Degiorgio kien talab lill-Qorti biex jitilgħu jixhdu uffiċjali tal-Pulizija Federali Ġermaniża dwar żewġ laptops u tliet hard drives li għandhom fil-pussess tagħhom.
Propju għal dawn ir-raġunijiet u oħrajn, il-Qorti Kostituzzjonali qed tintalab tiddikjara li d-drittijiet tal-akkużati għal smigħ xieraq ġew miksura.