‘Ix-xogħlijiet fil-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex huma parti mit-tender għall-bini tal-pixxina’
Il-Ministeru għal Għawdex jiċċara mal-gazzetta ILLUM ix-xogħlijiet li għaddejin bħalissa fuq il-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex
minn Yendrick Cioffi
Il-Ministeru għal Għawdex insista mal-gazzetta ILLUM li x-xogħlijiet li għaddejin bħalissa fuq il-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex huma parti mit-tender ta’ €9 miljun għall-bini taċ-Ċentru Akkwatiku.
Fil-fatt, il-Ministeru insista li l-proġett taċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv se jkun qed jinkludi pixxina ta’ daqs Olimpliku u numru kbir ta’ faċilitajiet sportivi fuq ġewwa.
Bħalissa, mill-Kumpless Sportiv fadal ftit li xejn, ħlief struttura tal-ħadid li kienet iżżomm is-saqaf u dan qajjem diversi mistoqsijiet fost bosta stakeholders, li wħud minnhom tkellmu mal-gazzetta ILLUM u fakkru li fl-aħħar snin saru investimenti li jammontaw għal eluf ta’ ewro fuq l-istess kumpless sportiv.
Kien għalhekk li l-gazzetta ILLUM tkellmet mal-Ministeru għal Għawdex li spjega kif fuq il-padiljun sportiv għaddejin xogħlijiet “kbar” li se jikkumplimentaw iċ-ċentru akkwatiku l-ġdid.
Għall-kuntrarju ta’ dak li ġie rrappurtat, il-Ministeru insista li dawn ix-xogħlijiet huma parti mit-tender (CT2141/2019) għall-bini tal-Pixxina u għalhekk hu mifhum li l-istess xogħlijiet huma parti mill-investiment ta’ €9 miljun.
Dan it-tender intrebaħ minn Poliexcel Construction Consortium li hu magħmul minn Exvel System Construction Malta Limited u Polidano Brothers.
Il-Ministeru saħaq li kif kien approvat fil-permess 01545/17, iż-żona ta’ taħt il-gym eżistenti se tkun qed tiġi skavata biex isiru faċilitajiet anċillari li huma meħtieġa għall-pixxina ta’ 50 metru.
“Iż-żoni oħra biswit se jipprovdu spazji għal diversi attivitajiet sportivi fuq ġewwa li jimmassimizzaw l-ispazji disponibbli filwaqt li jtejbu d-dawl naturali u l-ventilazzjoni u jagħmlu l-proġett b’mod ġenerali aktar aċċessibbli,” kompla jispjega l-Ministeru.
Mistoqsi x’dixxiplini se jkun qed jospita l-kumpless sportiv, meta x-xogħlijiet ikunu konklużi, il-Ministeru saħaq li dawn se jkunu varji u se jkunu jinkludu l-għawm fiċ-Ċentru Akkwatiku, basketball, squash, badminton, gymnastics, dancing, wall climbing, akrobatika, weightlifting, aerobics, yoga, arti marzjali u dixxiplini oħra.
Se jkun hemm ukoll żewġ multi-purpose courts fuq barra.
Il-pixxina ilha ġejja...
Ta’ min isemmi li l-bżonn biex Għawdex ikollu pixxina adegwata ilu jinħass għal ħafna snin iżda dwar dan il-proġett qatt ma sar xejn jew inkella kien se jibda u kollox reġa’ ntefa’ fuq l-ixkaffa.
Fil-fatt, għawwiema Għawdxin, plejers tal-waterpolo u anke diversi atleti, għadhom sal-lum il-ġurnata jkollhom jaqsmu għal Malta biex ikunu jistgħu jitħarrġu u jippratikkaw l-isports tagħhom, partikolarment fix-xitwa.
Tant kemm il-pixxina f’Għawdex ilha mwiegħda, li fuq Facebook saħansitra kien twaqqaf grupp biex l-atleti u l-isportivi jsemmgħu leħinhom u jagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet biex fl-aħħar dan il-proġett iseħħ.
Lura fl-2016, Anton Refalo, dak iż-żmien Ministru għal Għawdex u Chris Agius, dak iż-żmien Segretarju Parlamentari għall-Isports, kienu ffirmaw Memorandun of Understanding għall-bini ta’ pixxina ta’ daqa Olimpiku f’Għawdex, iżda dan waqa’ u baqa’ qatt ma sar xejn dwaru.
Anke Justyne Caruana, meta kienet Ministru għal Għawdex, ħadmet u mbuttat biex Għawdex ikollu l-pixxina tiegħu. Madanakollu kienet qamet xi ftit jew wisq ta’ kontroversja wara rapporti li l-iżviluppatur privat ried li jbiddel il-pjani u jibni lukanda fuq iċ-ċentru akkwatiku, anke jekk fuq art pubblika. Il-Gvern kien ċaħad dawn ir-rapporti. Il-pjani nbiddlu u l-Gvern ħa f’idu dan il-proġett. L-iskavar kien beda, iżda kollox waqaf hemm sakemm inħareġ tender ieħor, tard fl-2019 u x-xogħlijiet setgħu jkomplu.
Il-Prim Ministru Robert Abela kien żar ix-xogħlijiet fuq il-pixxina f’Ottubru li għadda u dakinhar ġie mwiegħed li l-proġett mistenni jkun lest matul din is-sena.
It-tkomplija tax-xogħol fuq iċ-Ċentru Akkwatiku kien imwiegħed ukoll fil-Baġit għal din is-sena.
X’xogħlijiet saru fuq il-kumpless sportiv fl-aħħar snin?
Kif spjegat aktar ‘il fuq, ħafna mill-kritika qed issir għax fuq il-kumpless sportiv, fl-aħħar snin saru diversi xogħlijiet li qamu eluf ta’ ewro. Tant u hekk li dwar dan saru wkoll mistoqsijiet fil-Parlament mid-Deputati Għawdxin tal-Oppożizzjoni Chris Said u Joseph Ellis.
Fost dawn, seba’ snin ilu, fl-2012, b’investiment ta’ €420,000 kien inbidel is-saqaf tal-kumpless. Kif jixhdu r-ritratti, dan is-saqaf iżżarma kompletament u ma għadux jeżisti.
Aktar riċenti, fi Frar tal-2016, kien inbidel il-parquet kollu. Dan il-proġett kien ġie jiswa aktar minn €60,000.
Dwar dan, il-gazzetta ILLUM ukoll staqsiet lill-Ministeru għal Għawdex, bil-kelliema tispjega kif il-Grigalata qawwija tal-2019 kienet għamlet ħsara kbira lill-bjut tal-kumpless sportiv u l-bjut tant li daħal ħafna ilma li għamel ħsara lis-sistema tal-parquet.
Fil-fatt, jifher li l-pannelli fotovoltajiċi kienu ġibdu l-istess saqaf fl-istess grigalata.
Il-Ministeru insista li l-materjali ġew żarmati, kif anke jindika l-istess tender imsemmi qabel u qed jinħażnu għall-użu mill-ġdid u kif suppost.
Dwar il-parquet, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri kien ta aktar dettalji fil-Parlament meta spjega kif parti minnu ngħata lill-iskola Sir Mikelanġ Refalo biex jitpoġġa ġo sala li bħalissa qed tintuża mill-klijenti tal-Kumpless Sportiv għall-aerobics, il-ġinnastika, il-yoga u sports ieħor.
Partijiet oħra tpoġġew fil-korsa ta’ Xħajma fl-istand fejn ipoġġu n-nies u l-parti li kien baqa’ ġie maħżun fil-korsja ta’ Xħajna biex ikun jista’ jerġa’ jintuża.