L-MWL tinsisti li m'għandhiex tingħata l-idea li l-prostituzzjoni hija xogħol leġittimu
Il-Malta Women's Lobby tfakkar illi ħafna drabi dawk li jkunu fil-prositutzzjoni jkunu nisa u jiġu abbużati
More in Politika
Il-Malta Women's Lobby tfakkar illi ħafna drabi dawk li jkunu fil-prositutzzjoni jkunu nisa u jiġu abbużati
Il-Malta Women's Lobby (MWL) qalet illi ladarba l-prostituzzjoni hija nasba soċjali, ma tista' qatt taċċetta li tingħata l-idea li hija xi karriera leġittima jew aċċettabbli u tfakkar illi l-maġġoranza tal-prostituti jippreferu kieku jistgħu jagħmlu xogħol ieħor. Ladarba l-prostituzzjoni ssir xogħol bħal kwalunkwe ieħor "tkun biss kwistjoni ta' żmien qabel il-prostituzzjoni tkun ikkunsidrata bħala għażla leġittima ta' karriera fl-iskejjel u rriklamata bħala triq aċċettabbli għal nisa u żgħażagħ, kif jiġri f'pajjiżi fejn ġiet legalizzata," wissiet l-MWL.
Dan qalitu fid-dawl ta' kumment tas-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza Rosianne Cutajar illi l-prostituzzjoni għandha titqies bħala xogħol leġittimu. Il-Parlament Ewropew il-ġimgħa l-oħra appella biex is-servizzi sesswali offruti minn persuni li huma traffikati jkunu kriminalizzati.
Fi stqarrija l-Lobby jfakkar illi l-maġġoranza ta' dawk li jinsabu fil-prostituzzjoni huma nisa - inkluż nisa trans - filwaqt illi dawk li jixtru s-servizz huma fil-biċċa l-kbira irġiel. "Suq tas-sess mingħajr sanzjonijiet fuq min jixtri kif qed ikun propost, jibgħat messaġġ ħażin illi huwa aċċettabbli li tbiegħ il-ġisem ta' mara u dan allura jkun jirrifletti x'valur tingħata l-mara fis-soċjetà tagħna."
Għalhekk l-MWL temmet tappella lill-Gvern biex jifhem illi l-prostituzzjoni hija forma ta' sfruttament sesswali għal ħafna minn nies involuti u iktar milli jagħmilha faċli għat-traffikanti u x-xerejja għandu jagħmel liġi li tipproteġi lill-vulnerabbli .