'Proġett magħmul biex jaqdi l-bżonnijiet ta' Bonnici Brothers'

Bdiewa u attivisti jingħaqdu ma' 5,600 persuna oħra li qed joġġezzjonaw għall-proġett f'Burmarrad li jara aktar art agrikola tinqered ...

Bdiewa jitkellmu f'Burmarrad
Bdiewa jitkellmu f'Burmarrad

Bdiewa u attivisti indirizzaw Konferenza Stampa s-Sibt filgħodu f’Burmarrad, fuq il-post fejn art agrikola u ġibjun huma fil-periklu li jintilfu minħabba xogħlijiet fit-toroq proposti minn Infrastructure Malta.  Fil-konferenza orgaizzata mill-Moviment Graffitti intqal li dan il-proġett qed isir biss biex jaqdi l-bżonnijiet ta' Bonnici Brothers. 

Dawn ix-xogħlijiet jikkonsistu f’roundabout li se tinbena fejn il-kwartieri ta’ Bonnici Brothers, li għandhom ukoll applikazzjoni għal supermarket fuq art ODZ, biswit il-kwartieri tagħhom. L-applikazzjoni kienet ġiet sottomessa fl-2018, imma kienet sospiża għal sentejn sħaħ u reġgħet ġiet attivata meta ġew imħabbra x-xogħlijiet fit-toroq.

Waqt il-konferenza kien imfakkar li r-roundabout proposta se tkun qed teqred art agrikola li ilha tinħadem għal ġenerazzjonijiet sħaħ kif ikoll ġibjun li għandu iktar minn 500 sena u li l-bdiewa tal-akkwati jiddependu minnu għall-ilma fix-xhur tas-sajf. Korsa fraġli tal-ilma li tipprovdi l-ilma lil dan il-gibjun, u li tibqa’ nieżla tas-Salini, tinsab ukoll mhedda.

"Id-dikjarazzjoni ta’ Infrastructure Malta li l-ġibjun mhux se jinqered hija redikola għax impossibbli ċċaqlaq ġibjun ta’ 500 sena flimkien mal-mekkaniżmu tiegħu mingħajr ma teqirdu," sostna l-Moviment.

L-applikazzjoni għal supermarket fuq art ODZ qalgħet ħafna kritika meta l-pjanijiet ġew imħabbra. Madankollu, jidher li Bonnici Brothers għandhom ukoll pjanijiet oħra għal dawn l-inħawi, b’applikazzjoni oħra għall-bini ta’ ħafna blokok residenzjali fl-istess żona.  Il-Moviment Graffitti kkundanna iktar teħid ta’ art agrikola u l-użu tat-taxxi tal-poplu sabiex tinbena roundabout li se tkun qed isservi biss il-bżonnijiet ta’ Bonnici Brothers, kif ukoll it-teħid ta’ art ODZ għal supermarket f’żona li diġà hija moqdija tajjeb.

Bħalissa hemm ‘il fuq minn 5,600 oġġezzjoni kontra din ir-roundabout proposta.

"Professjonisti ddeskrivew din ir-roundabout bħala xi ħaga li “ma tagħmilx sens” għaliex ser tkun imdeffsa bejn roundabout perikoluża oħra, li għadha kemm inbniet fl-istess triq, u l-knisja ta’ Burmarrad."

Il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar ukoll iddikjara ruħu kontra dawn ix-xogħlijiet u l-applikazzjoni għas-supermarket.

Għalhekk, il-Moviment Graffitti jistenna li Infrastructure Malta tirtira minnufih u b’mod definittiv il-pjanijiet għal din ir-roundabout "li hija, b’mod daqshekk ċar, intiża biss biex taqdi s-supermaket f’ODZ ta’ Bonnici."

 

More in Politika