Jibda x-xogħol biex il-karozzi kollha tal-Gvern jinqalbu għall-elettriku
Fuq bażi nazzjonali llum il-ġurnata hemm biss 1% tal-vetturi fit-toroq li jaħdmu bl-elettriku
More in Politika
Fuq bażi nazzjonali llum il-ġurnata hemm biss 1% tal-vetturi fit-toroq li jaħdmu bl-elettriku
Beda x-xogħol biex vetturi għall-użu ġenerali fis-Servizz Pubbliku jinqalbu biex jaħdmu bl-elettriku.
Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni, llum stess ħarget sejħa biex isir studju dettaljat tal-vetturi kollha ġenerali li għandu s-Servizz Pubbliku bl-għan li fuq dan l-istudju tinbena t-triq ’il quddiem biex tiġi implimentata l-miżura mħabbra fil-Baġit
Fuq bażi nazzjonali llum il-ġurnata hemm biss 1% tal-vetturi fit-toroq li jaħdmu bl-elettriku.
Studji oħra wrew li l-biċċa l-kbira tal-vjaġġi jsiru bejn is-7.30am u t-8.30am mit-Tnejn sal-Ġimgħa f’żoni ċentrali tal-gżejjer Maltin. Dawn il-vjaġġi jammontaw għal kważi 11% tat-traffiku fuq bażi ta’ ġurnata. Dan filwaqt li f’pajjiżna, sa nofs is-sena li għaddiet, 60% tal-vetturi kienu jaħdmu bil-petrol u 39% bid-diesel.
"Konxju minn din l-istatistika, is-Servizz Pubbliku jara li jagħti sehmu għal soluzzjonijiet li minnhom igawdi l-pajjiż. Dan l-istudju li llum se jibda l-proċess għalih irid iwassal għal waħda minn dawn is-soluzzjonijiet billi l-flotta tal-vetturi għal użu ġenerali fis-Servizz Pubbliku tinqaleb għall-elettriku," spjegat l-istqarrija.
Dan l-istudju għandu jiddetermina analiżi dettaljata tal-vetturi kollha fis-Servizz Pubbliku u anki jkun analizzat l-operat tal-istess vetturi fid-diversi oqsma matul il-jum.
Aktar minn hekk dan l-istudju jrid jistabbilixxi x’tip ta’ infrastruttura hija meħtieġa biex effettivament issir il-qalba għall-vetturi mħaddma bl-elettriku u anki ċ-ċentri minn fejn għandhom joperaw dawn il-vetturi elettriċi flimkien mal-ħtiġijiet infrastrutturali tat-teknoloġija tal-informazzjoni li hemm bżonn biex it-tħaddim tas-sistemi ġodda jkunu sostenibbli.
Dan ikun ifisser li l-qalba mhux se tkun biss waħda ta’ vetturi għal sistemi elettriċi imma sistemi ġodda ta’ tħaddim effiċjenti tat-trasport fis-Servizz Pubbliku kollu.
Dan l-istudju għandu jiddetermina wkoll fl-aħħar nett l-aħjar mudell finanzjarju li għandu jitħaddem għall-kontabbiltà tas-sistema kollha.
Il-Kap tas-Servizz Pubbliku, Mario Cutajar, qal li din il-miżura hija pass ieħor minn sensiela ta’ miżuri li jibdlu l-mod kif jaħdem is-Servizz Pubbliku biex ikun iktar effiċjenti, effettiv u rilevanti, imma jibqa’ kontabbli fil-ħidma tiegħu kollha kif kemm-il darba ntwera bil-fatti f’dawn l-aħħar snin.
Is-sejħa ghall-offerti ta’ dan l-istudju, li għandu jintemm fi żmien ħames (5) xhur, ħarġet illum 24 ta’ Frar u l-offerti jibqgħu jintlaqgħu sa nhar l-Erbgħa 24 ta’ Marzu 2021.