Aktar persuni jfittxu għajnuna mid-dipendenza tal-kokaina

Madwar 2,300 persuna marru għat-trattament, bil-maġġoranza jkunu minħabba problema ta’ dipendenza mill-eroina segwita mill-kokaina

F’konferenza tal-aħbarijiet ġie ppreżentat ir-Rapport Nazzjonali dwar is-Sitwazzjoni tad-Droga u r-rispons għaliha f’Malta matul is-sena 2023.

Dan ir-rapport isir kull sena sabiex jagħti stampa ċara dwar il-konsum tad-droga f’pajjiżna. Rapport, li jixħet dawl fuq trends differenti, fejn fost l-oħrajn aktar persuni qed ifittxu trattament tad-droga kokaina. Dawk li qed jitolbu l-għajnuna baqgħu jiżdiedu, l-istess trend osservata matul is-sena ta’ qabel. Din tista’ tkun indikazzjoni pożittiva, hekk kif aktar persuni qed jagħżlu li jiġġieldu l-vizzju milli jibqgħu passivi u ma jiħdux azzjoni.

Madwar 2,300 persuna marru għat-trattament, bil-maġġoranza jkunu minħabba problema ta’ dipendenza mill-eroina segwita mill-kokaina. Nies illi fittxew l-għajnuna għat-trattamenti għall-kokaina ammontaw għal 41% tal-każijiet kollha, b’68% ta’ dawk bi problema tal-kokaina reġgħu fittxew l-għajnuna aktar minn darba. 90% ta’ dawk li qed ifittxu l-għajnuna huma Maltin.

Dawn id-dettalji ngħataw mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, li rringrazzja wkoll is-sehem tas-Sedqa, il-Caritas u lill-OASI għax-xogħol strumentali tagħhom fil-qasam tar-riabilitazzjoni.

“Il-problema tad-droga mhijiex waħda li tolqot lokalità jew villaġġ wieħed, jew xi persuni li ġejjin minn faxxa  soċjoekonomika distinta. Għaldaqstant irridu nkomplu niġġieldu dawn il-vizzji b’politika ħolistika, kemm fejn tidħol prevenzjoni u anke għajnuna fit-tul, għajnuna diretta lill-vittma nnifisha u anke lill-familjari tagħha,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Punt Fokali tad-Droga f’Malta, Dr Manuel Gellel stqarr illi matul is-sena 2023 kien hemm mal-493kg qabda tal-kokaina u 154kg tal-kannabis.

Matul is-sena 2023 kien hemm madwar 1,266 każijiet ta’ persuni li spiċċaw l-emerġenza minħabba l-użu ta’ xi sustanza, li tikkumpara sew mas-sena ta’ qabel. Il-maġġoranza kienu minħabba kumplikazzjonijiet relatati mas-sustanza illi jkunu ħadu.

Sfortunatament kienu kkonfermati 18-il mewta b’rabta mad-droga, fejn 13 kienu kawża tal-kokaina u 5 minħabba l-eroina. Il-maġġoranza ta’ dawn l-imwiet kienu f’etajiet t’aktar minn 40 sena.

Ħareġ illi l-purità tad-droga kokaina żdiedet għal 57%, filwaqt li dik tad-droga eroina kompliet tonqos fejn niżlet għal 16%. Għalkemm il-purità tad-droga kokaina tidher li żdiedet, ħafna drabi din ir-rata għolja ta’ purità tkun reġistrata f’qabdiet kbar illi jsiru fil-Port Ħieles, u għaldaqstant tkun għadha mhijiex imħallta ma’ impuritajiet oħra.

Fid-dawl ta’ dan kollu, ġie kkummissjonat studju bejn il-laboratorju tas-Tossikoloġija u dak tal-Mortalità fl-Isptar Mater Dei, bis-sehem tal-Punt Fokali dwar id-Droga, sabiex nifhmu aħjar x’wassal għal din iż-żieda fl-imwiet.

More in Politika