Filmat | 'Sodisfatt li żammejna s-sitwazzjoni tal-pandemija taħt kontroll' - Robert Abela

Mistoqsi jekk hemmx lok għal aktar restrizzjonijiet, il-Prim Ministru jisħaq li hu dejjem mexa mal-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa

Meta kien mistoqsi dwar iż-żieda fil-każi tal-Covid-19, il-Prim Ministru Robert Abela qal li jinsab sodisfatt li Malta rnexxielha żżomm is-sitwazzjoni tal-pandemija taħt kontroll.

Il-Prim Ministru saħaq li meta s-sitwazzjoni tal-pandemja f'Malta tkun ikkumparata ma' dik fil-bqija tal-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea, f'Malta s-sitwazzjoni hija ħafna aħjar.

"Trid tara fil-kuntest ta' x'qiegħed jiġri madwar id-dinja. Sodisfatt li żammejna s-sitwazzjoni tal-pandemija taħt kontroll," saħaq il-Prim Ministru waqt li insista li Malta tinsab fuq quddiem nett ukoll fejn jidħol it-tilqim.

Mistoqsi jekk hux se jiżdiedu r-restrizzjonijiet biex tkun ikkontrollata l-imxija, wara li l-ġimgħa li għaddiet ġew irreġistrati numri rekord ta' każi ġodda, Abela qal biss li hu jimxi mal-pariri li jagħtuh l-awtoritajiet tas-saħħa.

Fakkar li bħalissa hemm numru ta' restrizzjonijiet imposti u saħaq li jekk l-awtoritajiet tas-saħħa jagħtuh pariri differenti, hu se jimxi magħhom.

More in Politika