Il-Maġistrat Nadine Lia rrikużat lilha nnifisha mill-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Adrian Agius u ħuh Robert Agius (Tal-Maksar) u sħabhom Jamie Vella u George Degiorgio.
Kienet il--familja ta' Daphne Caruana Galizia, permezz tal-Avukat Jason Azzopardi, li talbu għar-rikuża tal-maġistrat li qed tmexxi l-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra l-aħwa Agius.
Azzopardi qal li l-familja qed tagħmel din it-talba mhux għax għandha xi dubju fuq l-integrità tal-Maġistrat Nadine Lia, imma minħabba l-fatt li l-istess Maġistrat, fit-3 ta' Diċembru 2017, kienet aċċettat it-talba li tirrikuża ruħha mill-każ kontra Yorgen Fenech.
Dakinhar, il-familja Caruana Galizia u anke Fenech kienu oġġezzjonaw li tkun Nadina Lia li tisma' l-kumpilazzjoni minħabba l-fatt li Lia hija miżżewġa lit-tifel ta' Pawlu Lia, l-Avukat tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
Filwaqt li spjega raġunijiet oħra, Azzopardi insista li dan għandu jsir b'rispett ukoll lejn il-fatt li "l-ġustizzja jeħtieġ issir u tidher li qed issir."
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Maġistrat saħqet li minkejja li fil-liġi ma kien hemm xejn li jwassalha biex tirrikuża lilha nnifisha mill-każ, għażlet li tagħmel dan fl-interess tal-ġustizzja u anke minħabba s-sensittività tal-każ.
Il-każ issa jgħaddi f'idejn Maġistrat ieħor, bid-deċiżjoni mistennija nhar it-Tnejn.
Adrian Agius, ħuħ Robert Agius, u seħibhom Jamie Vella, flimkien ma' George Degiorgio, qed jidhru quddiem il-Qorti biex jiffaċjaw akkużi fuq żewġ reati.
Robert Agius u Jamie Vella qed ikunu akkużati li pprovdew il-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia, filwaqt li Adrian Agius huwa akkużat bħala l-mandant tal-qtil tal-Avukat Carmel Chircop fl-2015.
Vella u Degiorgio huma akkużati li qatlu lill-Avukat.
L-aħwa Agius u Vella ġew arrestati fil-jiem li għaddew ftit wara li Vince Muscat, il-Koħħu, ammetta li kien involut fil-qtil ta' Caruana Galizia u ngħata sentenza ta' 15-il sena ħabs.
Huwa ngħata wkoll maħfra presidenzjali dwar il-każ tal-Avukat Chircop basta jikkopera mal-Pulizija u jgħina fl-investigazzjoni tagħha.
Il-ġimgħa li għaddiet, il-Maġistrat Marse-Anne Farrugia għażlet li ma tibqax tmexxi hi l-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra l-istess erbat irġiel peress li hi hija involuta fl-inkjesta maġisterjali dwar il-qtil tal-Avukat Chircop.