Grupp ta' residenti Dinglin fetħu protest ġudizzjarju kontra l-Moviment Graffitti li ilhom tlett ijiem iwaqqfu xogħlijiet fuq triq ġdida kontroversjali li qed tibni Infrastructure Malta.
L-attivisti qed jimblokkaw il-gafef u makkinarju ieħor milli jidħlu f'għelieqi u anke jaqilgħu siġar antiki biex jagħmlu spazju għat-triq.
Ix-xogħlijiet qed isiru bejn Triq id-Daħla tas-Sienja u Triq San Ġwann Bosco, bir-residenti jisħqu wkoll li hemm fdalijiet, x'aktarx ta' kappella medjevali, li jista' jsirilhom il-ħsara.
Madanakollu, grupp ta' tliet residenti dalgħodu fetħu protest ġudizzjarju u qed jisħqu li l-attivisti, "b'mod abbużiv u klandestin" qed iwaqqfu xogħlijiet li jridu r-residenti u li saħansitra "qed ipoġġu f'riskju l-ħajja tal-istess residenti."
Qalu wkoll li l-NGO qatt ma ngħatat mandat mir-residenti tat-triq u għalhekk qed jirrappreżentawhom "illegalment." Akkużawhom ukoll li minħabba l-protesti tagħhom, hemm residenti li qed jaslu tard għax-xogħol jew għal appuntamenti.
15-il resident ieħor iffirmaw dan il-protest ġudizzjarju.
Intant, il-Moviment Graffitti ma jidhirx li se jaqgħu lura.
News has reached us that Infrastructure Malta and Ian Borg have come up with a PR stunt - a judicial protest signed by...
Posted by Moviment Graffitti on Wednesday, 24 March 2021
F'reazzjoni, l-attivisti qalu li mhumiex sorpriżi b'dan il-protest għax, fi kliemhom, mhux l-ewwel darba li Infrastructure Malta użat dawn "it-tattiċi" kontrihom.
Saħansitra akkużat lill-aġenzija li b'mod malizzjuż ċemplet residenti u anke saħqet li kien hemm kuntratti li kienu vjolenti kontrihom tul l-aħħar jiem.
Insistew li għandhom f'idhom dokumenti u diversi filmati li jwaqqgħu l-allegazzjonijiet kollha li saru il-protest ġudizzjarju.
Fl-aħħar jiem, diversi residenti wkoll ingħaqdu mal-attivisti jipprotestaw kontra dawn ix-xogħlijiet, minkejja li l-Kunsill Lokali, b'mod unanimu, vvota favurihom.