"Meta inħares lura lejn dawn it-12-il xahar tal-pandemija, nara illi kienu xhur li ddefinew lill-Moviment u lill-Gvern minn partit ieħor, għax ma ħallejnix lin-nies waħdehom. Minflok awsterità bħal ta' qabilna 10 snin ilu, aħna urejna l-appoġġ fuq livell soċjali, appoġġ lill-ħaddiema, appoġġ fl-edukazzjoni u appoġġ lin-negozju ... konna wara l-poplu l-ħin kollu," saħaq il-Prim Ministru Robert Abela, fl-ewwel risposti tiegħu illi fihom tratta l-pandemija li faqqgħet biss ftit wara li hu inħatar fil-kariga. Hu kien qed jipparteċipa fil-programm Xtra.
Huwa fakkar li l-Gvern għen eluf ta' negozji sabiex 100,000 ħaddiem setgħu jżommu xogħolhom, minkejja l-għafsa qawwija tal-pandemija.
Meta mistoqsi dwar l-istituzzjonijiet il-Prim Ministru fakkar fil-każi tat-traffikant tad-drogi Queiroz li kienet tnaqqsitlu sentenza ħabs "b'impunità", inkjesta maġisterjali li sabet illi l-eks Kummissarju tal-Pulizija George Grech kellu jitressaq quddiem il-Qorti b'attentat ta' stupru u użu ħażin ta' fondi pubbliċi, "U x'jiġri? L-Avukat Ġenerali joħroġ ordni biex il-Kummissarju ma jitressaqx il-Qorti. Hekk kien jaħdmu l-istituzzjonijiet" sostna Abela f'referenza għal Gvernijiet Nazzjonalisti. "Nista' noqgħod inħares lura, pero' se nħares 'il quddiem. Mill-passat nieħdu t-tagħlim u d-diskors insarrfuh fil-fatti."
Huwa qal li l-istituzzjonijiet qatt ma ħadmu daqs illum. Fil-fatt Robert Abela qal li dan il-Gvern jemmen fl-stituzzjonijiet tant li qed "jaħdmu u ma jħarsu lejn wiċċ ħadd". Huwa fakkar li Keith Schembri qed jiffaċċja akkużi wara inkjesta maġisterjali, flimkien ma' diversi oħrajn. "Il-Qorti issa qed tagħmel l-indaġni tagħha, hi trid tiddeċiedi - imma dan il-każ huwa l-aqwa eżempju ta' istituzzjonijiet li qed jaħdmu u ma jħarsu lejn wiċċ ħadd," saħaq il-Prim Ministru.
"Aħna pro-market u pro-business" qal Abela li fakkar li hawn ħafna negozji onesti, li jagħmlu profitt ġenwin filwaqt li appella li m'għandux jintbagħat il-messaġġ li n-negozjanti huma kollha ħżiena għax dan mhux ġust. "Dan il-Gvern se jkun wara n-negozji. L-istituzzjonijiet saħħaħnihom biex jiġġieldu l-kriminalità, speċjalment dik organizzata," qal il-PM.
Dwar il-proġett tal-Electrogas - permezz ta' Power Staton li taħdem bil-gass - huwa qal li dan il-proġett ifisser kontijiet orħos u arja nadifa, "u jekk xi ħadd naqas fuq dak il-proġett iħallas hu, mhux il-poplu."
Huwa fakkar li d-deċiżjoni politika dwar Konrad Mizzi u Keith Schembri hu ilu li ħadhom u issa hemm l-istituzzjonijiet "u jekk xi ħadd naqas, jitressaq quddiem il-Qorti." Huwa qal li l-kriminalità ma bdietx fl-2013, imma huwa llum li dawk li jsejjaħ untouchables - fosthom dawk li jagħmlu l-bombi - qed jitressqu l-Qorti.
"Aħna urejna rieda tal-azzar li fuq il-governanza, urejna li we mean business u l-bidliet li kellna bżonn inwettqu wettaqnihom."
PN bl-istess uċuħ u l-Labour jinjetta uċuħ ġodda
Huwa jgħid li l-PN għadu ddominat mill-istess nies li ilhom hemm snin, filwaqt li fuq in-naħa l-oħra hemm nies ġodda bħal Ramona Attard, Daniel Josè Micallef, Chris Fearne, Clyde Caruana, Byron Camilleri, Aaron Farrugia u ħafna oħrajn. "L-għażla hija bejn min għamel kruċjata kontra d-divorzju u partit li qed ibiddel il-liġi," sostna Abela.
Huwa akkuża il Bernard Grech b'populiżmu u akkuża lill-MEPs tal-PN li jifhmu tajjeb x'inhu jiġri u min huwa l-forza tas-sewwa, "imma l-unika skop li għad fadlilhom huwa li jagħmlu l-ħsara kontra pajjiżna."
Albert Gauci Cunningham, 38 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta ILLUM u tas-sit illum....