Keith Schembri jingħata l-ħelsien mill-arrest; Biżżejjed evidenza biex jitpoġġa taħt att ta’ akkuża

Schembri qed ikun akkużat b'tixħim, ħasil ta' flus, iffalsifikar u xhieda falza, fost oħrajn

 

Keith Schembri illum kif ħareġ mill-Qorti (Ritratt: MediaToday / James Bianchi)
Keith Schembri illum kif ħareġ mill-Qorti (Ritratt: MediaToday / James Bianchi)

L-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, sieħbu fin-negozju Malcom Scerri u l-kontrollatur finanzjarju Robert Zammit, ingħataw il-ħelsien mill-arrest.

Id-difiża għamlet din it-talba hekk kif illum kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontrihom. Huma qed ikunu akkużati b'ħasil ta' flus u korruzzjoni, fost affarijiet oħra. Keith Schembri qed ikun akkużat ukoll li xehed falz u anke b'falsifikazzjoni ta' dokumenti.

Il-Maġistrat iddikjarat ukoll li hemm biżżejjed evidenza biex l-akkużati jitpoġġew taħt att ta' akkuża.

Keith Schembri ġie ordnat iħallas €60,000 f'depożitu u €90,000 f'garanzija personali. Irid jiffirma kuljum fl-għassa tal-Qawra.

Intant, peress li llum il-banek ma jaħdmux u għalhekk ma jistax isir dan il-ħlas, Keith Schembri u l-akkużati l-oħra se joħorġu għada mill-ħabs.

Il-ġimgħa li għaddiet, it-tliet persuni ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest, bil-Maġistrat Donatella Frendo Dimech tisħaq li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejja u mhux eskluż li jiġu arrestati u mressqa terzi persuni.

L-uniku persuna li ngħata l-ħelsien mill-arrest il-ġimgħa li għaddiet, kien Alfio Schembri, missier Keith Schembri.

Fil-jiem ta' qabel, ingħataw ukoll il-ħelsien mill-arrest Matthew Pace u Lorraine Falzon minn Zenith Finance li wkoll kienu fost il-11-il persuna li ġew arrestati u mressqa l-Qorti akkużati b'ħasil ta' flus.

Dakinhar li kienu tressqu l-Qorti, l-uniku persuna li kien ingħata l-ħelsien mill-arrest kien l-eks editur maniġerjali tal-Allied Newspapers, Vince Buhagiar.

Huma tressqu l-Qorti wara l-konklużjoni ta' żewġ inkjesti, waħda dwar Keith Schembri u allegat tixħim mill-bejgħ tal-passaporti u waħda dwar Keith Schembri u tixħim li allegatament għadda bejnu u bejn Adrian Hillman, eks editur maniġerjali tal-Allied Newspapers wara xiri ta' tagħmir għall-istampar.

Intant, illum fil-Qorti, l-Avukat Mercieca Rizzo qalet li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kien qed joġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest għall-istess raġunijiet mogħtija l-ġimgħa li għaddiet. Fakkret ukoll kif fir-residenti tal-akkużati nstabu ħafna flus kontanti.

Madanakollu, l-Avukat Edward Gatt, li qed jidher għall-akkużati, saħaq li kwalunkwe periklu li akkużat jista' jbagħbas l-evidenza jew inkella jtellef il-kors tal-ġustizzja, għandu jkun muri bil-fatti.

Tul il-kumpilazzjoni tal-evidenza tal-lum xehdu diversi uffiċjali tal-Pulizija li kienu preżenti għal tfitxijiet li saru fir-residenzi u l-kumpaniji tal-akkużati.

Il-każ ikompli fil-11 ta' Mejju.

Aqra aktar:

More in Politika