L-MUT kontra li l-iskejjel jiftħu b'mod fiżiku mit-Tnejn li ġej

Tfakkar li bħalissa fuq barra ma jistax ikun hemm aktar minn żewġ persuni flimkien iżda jekk jiftħu l-iskejjel se jkun hemm 25 student magħluqa fi klassi mal-edukaturi għal sitt sigħat

Il-Unjin Maltija għall-Għalliema (MUT) hija kontra li l-iskejjel jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom mit-Tnejn li ġej waqt li insistiet li l-ftuħ fiżiku tal-iskejjel m'għandhiex tkun l-ewwel miżura li tiġi rilaxxata.

L-MUT qalet dan fi stqarrija, l-għada li l-gazzetta ILLUM żvelat kif l-iskejjel u l-ħwienet mhux essenzjali se jkunu fost l-ewwel li jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom wara r-restrizzjonijiet li daħlu fis-seħħ fl-aħħar ġimgħat.

Il-unjin qalet li dalgħodu għamlet dan il-punt ċar waqt laqgħa li kellha mal-awtoritajiet tas-saħħa.

"Ir-rilaxx tal-miżuri, bl-iskejjel ikunu l-ewwel li jiftħu b’mod fiżiku, mhux ser isib il-qbil tal-MUT. Meta sal-lum aktar minn żewġ persuni li ma jgħixux fl-istess dar ma jistgħux ikunu fuq barra flimkien, fi ftit jiem bir-rilaxx tal-miżuri jista' jkollna ħamsa u għoxrin student u l-edukaturi tagħhom flimkien għal sitt sigħat," saħqet l-MUT.

Fakkret li l-iskejjel ingħalqu meta l-varjant kien qed iwassal għal maġġoranza ta’ każi pożittivi u kemm l-iskejjel, l-edukaturi u l-familji kienu "għarkuptejhom bil-każijiet, li wasslu għal mijiet ta’ studenti u familji fi kwarantina."

Saħqet li dan għandu jkun evitat għax kien ta’ detriment għal kulħadd, inkluż għall-edukazzjoni.

"Għal żmien smajna li t-teħid tal-virus fit-tfal huwa minimu ikkumparat mal-adulti. Dan issa m'għadux jingħad. L-istess għall-iskejjel miftuħin, li jwasslu għal tnaqqis ta’ każijiet pożittivi. Dan ukoll ma għadux jingħad," qalet il-unjin.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-MUT qed titlob li l-pjan tar-rilaxx tal-miżuri jkun wieħed għaqli u li ma jpoġġix lill-edukaturi, l-istudenti u l-familji fis-sitwazzjoni li kienu ftit tal-ġimgħat ilu. 

More in Politika