Il-proġett ta' akkomodazzjoni soċjali f'Birkirkara fl-aħħar fażi

73 appartament u 56 garaxx, imqassmin f’sitt blokok fuq medda ta’ 3,000 metru kwadru f'Birkirkara

Il-Ministru Galdes fuq il-post
Il-Ministru Galdes fuq il-post

Il-proġett tal-housing soċjali f’Birkirkara kompla riesaq lejn il-konklużjoni tiegħu, b’aktar progress jiġi rreġistrat fl-aħħar fażi tal-proġett.  Waqt żjara fuq is-sit, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes seta’ josserva l-progress li sar wara xogħol li tista’ tgħid ma waqaf qatt.

F’dan is-sit se jkun hemm 73 appartament u 56 garaxx, imqassmin f’sitt blokok fuq medda ta’ 3,000 metru kwadru.

“Sodisfatt nara li mill-aħħar żjara tiegħi, fi ftit ġimgħat ġew installati s-servizzi kollha tad-dawl u l-ilma f’kull appartament. Tlestew ix-xogħlijiet ta’ finishings fis-sitt blokok, u infurmat li f’nofs il-blokok tpoġġa l-madum ukoll. Dan kollu hu xhieda ta’ kemm ix-xogħlijiet fuq il-proġetti ġodda ta’ akkomodazzjoni soċjali għaddejjin bla heda. Determinati li nkomplu b’dan ir-ritmu mgħaġġel biex dawn il-proġetti jagħtu akkomodazzjoni adegwata lil familji verament fil-bżonn,” qal il-Ministru Galdes.

Hu fakkar kif il-gvern qiegħed iwettaq l-akbar proġett ta’ housing soċjali f’pajjiżna f’40 sena, grazzi għal investiment ta’ €110 miljun li se jipprovdi 1,700 unit.

“Writna snin twal ta’ abbandun f’dan is-settur. Amministrazzjonijiet preċedenti kienu waqfu l-bini ta’ proġetti soċjali. Iżda aħna mhux talli bdejna nibnu mill-ġdid, talli nedejna skemi li b’mod ħolistiku qed jiffurmaw l-ewwel politika nazzjonali għall-akkomodazzjoni, b’viżjoni għal faxex wiesgħa tas-soċjetà,” temm jgħid il-Ministru Galdes.

 

 

More in Politika