610 residenti jew sidien tà proprjetà fix-Xgħajra ffirmaw ittra indirizzata lill-Awtorità tal-Ippjanar fejn iddikjaraw l-oppożizzjoni tagħhom kontra tliet torrijiet li qed ikunu proposti biex jinbnew max-xatt tax-Xgħajra. L-ittra għandha wkoll l-appoġġ ta’ 204 individwi oħrajn.
"Ir-residenti ħassew li għandhom jibagħtu din l-ittra wara li l-Kunsill Lokali tax-Xgħajra, immexxi mis-Sindku s-Sur Neil Attard, għamel U-turn inkomprensibbli minn wara dahar ir-residenti u rtira l-oġġezzjoni li kien ippreżenta qabel, permezz ta’ ittra sigrieta lill-Awtorità tal-Ippjanar," saħqu r-residenti fi stqarrija.
Insistew kif filwaqt li l-maġġoranza tal-membri tal-Kunsill qablu ma’ din id-deċiżjoni stramba, żewġ kunsilliera, inkluż il-Viċi Sindku, issa iffirmaw l-ittra ta’ oġġezzjoni li kitbu u preżentaw ir-residenti tax-Xgħajra.
L-oġġezzjoni tar-residenti telenka ħafna punti ta’ tħassib marbutin mal-impatt ta’ dan il-proġett fuq ix-Xgħajra u lil hinn minnha.
L-iżvilupp jikkonsisti fi tliet torrijiet ta’ 15-il sular kull wieħed. Ir-residenti qed jisħqu li dan jistona bil-kbir mal-kuntest ta’ dan il-villaġġ kwiet fejn il-baħar.
"Dan l-iżvilupp se jinvolvi l-bini ta’ mijiet ta’ appartamenti residenzjali ġodda, li f’ħakka t’għajn se jwassal għal żieda xejn sostenibbli fil-popolazzjoni tal-lokalità kif ukoll pressjoni miżjuda li l-infrastruttura eżistenti ma tiflaħx għaliha. Il-wegħdiet tal-iżviluppaturi ta’ “plaza” biswit it-torrijiet hija bla sens f’lokalità li bħalissa ġa qegħda tgawdi diversi spazji miftuħa ta’ ġmiel naturali," insistew ir-residenti.
L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) kif ukoll is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali diġà esprimew in-nuqqas ta’ qbil tagħhom ma’ dan l-iżvilupp.
Ir-residenti temmew l-ittra tagħhom billi appellaw lill-awtoritajiet u lill-iżviluppaturi biex jiżguraw li kwalunkwe żvilupp f’din il-lokalità jkun jirrispetta lin-nies tax-Xgħajra u l-ambjent naturali u urban tagħha.
Il-Moviment Graffitti u Flimkien għal Ambjent Aħjar qed jappoġġjaw it-talbiet tar-residenti.