Il-Prim Ministru Robert Abela sostna illi huwa prematur li nitkellmu dwar attivitajiet tal-massa u qal illi l-Gvern se jkompli japplika il-kawtela fir-rilaxx tal-miżuri.
Iktar kmieni llum il-Gvern ħabbar pjan ta' rilaxx li se jfisser illi l-ewwel li se jiftħu, b'mod gradwali, huma l-iskejjel, biex imbagħad fis-26 ta' April jiftħu l-ħwienet li mhumiex essenzjali, bħal tax-xagħar, ħwejjeġ, żraben u sbuħija. Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet illi dawn id-deċiżjonijiet ittieħdu fuq bażi ta' xjenza u b'kawtela u wissiet li jekk jiżdiedu n-numri b'mod qawwi jew inkella jiżdiedu l-pazjenti fl-ITU, l-awtoritajiet jerġgħu jissikkaw il-miżuri.
Id-Deputat PM u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne sostna illi mhu vera xejn li f'Malta kien hawn każ ta' trombożi, sforz emboli tad-demm riżultat tal-vaċċin AstraZeneca. Huwa qal illi l-AstraZeneca hija vaċċin sigura pero' qal ukoll illi jekk f'każ estrem ikollu jwaqqaf dan il-vaċċin, il-pajjiż se jkollu biżżejjed dożi - dalwaqt ukoll bil-Johnson&Johnson - biex ikompli jlaqqam lill-poplu.
Mal-gazzetta ILLUM Howard Keith, il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Industrija tal-Arti u d-Divertiment, sostna li hemm bżonn ta' exit plan għal dan is-settur. Debono insista li l-ewwel u qabel kollox dan il-pjan għandu jispjega kif il-pajjiż se jevita li jerġa’ jiġri dak li seħħ f’Lulju li għadda, meta l-każi kienu naqqsu drastikament u reġgħu splodew f’daqqa malli fetħu mill-ġdid l-istabbilimenti kollha, inkluż dawk tad-divertiment. Fi kliemu, il-pajjiż ma jistax jippermetti li dan jerġa’ jseħħ.
“Kulħadd irid jifhem li jekk mhux kulħadd se jerfa’ r-responsabbilità tiegħu, din mhux se noħorġu minnha,” insista.