Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci iċċarat li fil-preżent, "persuna teħtieġ li tilbes maskra u dejjem iżżomm distanza ta' mill-inqas żewġ metri minn persuni oħra anke fil-bajjiet."
Is-Supretendent fakkret li l-leġiżlazzjoni kurrenti tgħid li kull persuna għandha, barra r-residenza tagħha, kemm meta tmur f'post fuq ġewwa kif ukoll barra, tilbes maskra b'mod xieraq li tkopri l-imnieħer, il-ħalq u l-geddum tal-persuna.
Dan ifisser li sa issa l-maskri u d-distanzi soċjali japplikaw ukoll għall-bajjiet fil-fatt hi temmet tgħid li, "persuna teħtieġ li tilbes maskra kemm jista' jkun malajr la darba toħroġ mill-ilma."
Il-Professur Gauci spjegat fit-tweġibiet lill-gazzetta Times of Malta li, "l-għadd ta' persuni li jistgħu jiltaqgħu fil-pubbliku tapplika wkoll għall-bajjiet."
Tajjeb li nfakkru li mis-26 ta' April, l-għadd ta' persuni li jistgħu jiltaqgħu fil-pubbliku, se jiżdied minn żewġ persuni għal erbgħa (sakemm mhux mill-istess household).