Il-Kamra tal-Kummerċ appellat biex ikun hemm aktar komunikazzjoni mal-imsieħba soċjali dwar l-implimentazzjoni tar-rilaxx tar-restrizzjonijiet.
Qalet li qed tistenna li malajr kemm jista’ jkun ikunu kkomunikati d-dati dwar il-ftuħ ta’ dawk l-istabbilimenti li sa issa tħallew fl-għama dwar meta hemm ċans li jerġgħu jiftħu u dan bil-għan li l-operaturi jkunu jistgħu jippjanaw.
Il-Kamra tal-Kummerċ qalet dan fi stqarrija wara li lbieraħ il-Gvern ħabbar liema miżuri se jkunu qed jitnaqqsu matul dan ix-xahar.
L-istqarrija tisħaq li aktar ma jkun hemm komunikazzjoni u anke koordinament bejn il-partijiet kollha, aktar hemm ċans li l-affarijiet ikunu ċari u kulħadd jimxi u jsegwi l-miżuri.
Fuq nota pożittiva, il-Kamra tal-Kummerċ laqgħet il-fatt li l-każi issa naqsu u dan ifisser li l-miżuri li daħlu fis-seħħ ħallew ir-riżultati mixtieqa.
Il-President tal-Kamra, Marisa Xuereb fakkret kif biex dan kien possibbli, in-negozji u l-impjegati ħallsu prezz u għalhekk appellat biex isir dak kollu possibbli, anke fejn jidħol infurzar, biex ikun assigurat li l-każi jibqgħu baxxi u l-ekonomija tkun tista’ terġa’ tiftaħ u tibqa’ miftuħa.
Il-Kamra tal-Kummerċ faħħret ukoll id-deċiżjoni li l-iskejjel jingħataw il-prijorità u li l-ftuħ ta’ negozji oħra ssir b’mod kawt u kkontrollat.
Appellat ukoll biex hekk kif il-programm tat-tilqim miexi tajjeb ħafna, ikun imperattiv li l-pajjiż jibqa’ jaħdem biex inaqqas in-numri u jinsisti fuq il-miżuri tad-distanza soċjali, bil-għan li Malta tkun f’pożizzjoni tajba biex fis-sajf tilqa’ turisti.
Aqra wkoll: