Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Roderick Galdes qal illi se jibda proċess ta' riġenerazzjoni ta' spazji miftuħa f'tlett lokalitajiet; fil-Marsa, fil-Mosta u f'Santa Luċija.
Dawn il-proġetti se jkunu qegħdin isiru bl-għan li jsir titjib fil-kwalità tal-ħajja ta' numru ta' residenti filwaqt li jsir ukoll tisbieħ ta' dawn il-binjiet.
Ftit inqas minn 360 resident se jkunu qegħdin jibbenifikaw minn dawn il-proġetti li se jassiguraw iktar aċċesibilità permezz ta' installazjoni ta' lifts ġodda, tisbieħ tal-ambjent b'tħawwil ta' siġar bejn il-blokkok, kif ukoll spazji miftuħa għat-tfal biex jilgħabu u jimirhu b'mod sigur.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali kompla jgħid li "ħadd m'għandhu jkun priġunier ta' darhu" u dawn il-proġetti se jkunu qegħdin jassiguraw li il-persuni li trabbew u sabu kenn f'dawn il-binjiet jkomplu jtejjbu ħajjithom.
Hu qal li dawn il-proġetti se jkunu qegħdin jibdew fix-xhur li ġejjin filwaqt li irringrazzja lir-residenti għal koperazzjoni tagħhom. Galdes irringrazzja ukoll lis-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi tal-għajnuna.
Min-naħa tiegħu Stefan Zrinzo Azzopardi, spjega li dawn il-proġetti se jkunu qegħdin issiru bis-saħħa ta' fondi li ngħataw mill-Unjoni Ewropea biex igawdu in-nies u jtejbu il-kwalità tal-ħajja. Azzopardi temm jgħid li dawn il-fondi se jintefqu għal skop soċjali fil-qalba tal-komunità.