Il-proċess ta' vaċċinazzjoni kompla miexi 'l quddiem f'pajjiżna biex id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar illi 70% tal-popolazzjoni se tkun ħadet, imqar l-ewwel doża, sal-aħħar ta' Ġunju, filwaqt li l-popolazzjoni kollha tkun ħadet doża sa Awwissu.
Sa issa ingħataw 240,000 doża tal-vaċċin, bil-pjan ta' vaċċinazzjoni jmur aħjar milli mistenni fost dawk li għandhom aktar minn 80 sena - b'95% jieħdu l-vaċċin. "Aħna għidna li rridu inlestu dawk li għandhom 'l fuq minn 70 sena sal-aħħar ta' April. Issa, sal-aħħar tax-xahar, ħa nkunu vvaċinajna wkoll lil dawk li għandhom aktar minn 60 sena. U sat-tielet ġimgħa ta' Mejju, dawk 'il fuq minn 50 sena wkoll se jkunu rċevew l-ewwel doża tal-vaċċin," sostna Fearne.
Huwa qal illi minħabba illi f'xi każijiet kien hemm tibdil fl-indirizzi dawk ta' aktar minn 60 sena li għadhom ma rċevewx appuntament għandhom jikkuntattjaw in-numru 145. Minkejja ilmenti minn diversi li ddum ħafna tistenna sakemm xi ħadd jirrispondi fuq din il-linja Fearne qal illi 95% tat-telefonati qed jiġu mwieġba.
Intant ara hawnhekk kif issa dawk ta' 'l fuq minn 50 sena se jkunu jistgħu jirriservaw l-appuntament tagħhom permezz ta' sms jew online.