Il-kumpanija Għawdxija Magro Brothers b'investiment ta' €1.5 miljun

Il-Ministri Silvio Schembri u Clint Camilleri jżuru l-kumpanija li 40% tal-produzzjoni tagħha fl-2020 marret f'pajjiżi fl-erba' kontinenti

Il-Ministru Silvio Schembri u l-Ministru Camilleri ma' Christian Magro
Il-Ministru Silvio Schembri u l-Ministru Camilleri ma' Christian Magro

Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri ħabbar investiment ta’ €1.5 miljun minn Magro Brothers. Dan ser jara tisħiħ fil-produzzjoni għal konsum lokali u esportazzjoni f’erba’ kontinenti u ser iwassal għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda fil-manifattura Għawdxija. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-faċilitajiet tal-kumpanija bl-isem ta’ ‘The Magro Food Village’ fix-Xewkija, li għaliha kien hemm mistieden il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.

Il-kumpanija rnexxielha tispeċjalizza fis-suq Ingliż u Irlandiż, bis-sena 2020 tagħlaq b’40% tal-produzzjoni tmur f’esportazzjoni f’20 pajjiż f’erba’ kontinenti: l-Ewropa, l-Awstralja, l-Asja u l-Afrika. “L-intraprenditur u l-prodott lokali għandhom potenzjal bla limitu u bla orizzonti. "Stejjer bħal tal-lum tassew juruna r-reżiljenza tal-ekonomija u l-industrija tal-gżejjer tagħna, anke waqt pandemija globali”, tenna l-Ministru Schembri. 

Saħaq fuq is-sostenn tal-Gvern għall-ħarsien tal-impjiegi anke f’din il-kumpanija, hekk kif Magro Brothers ibbenefikat mill-iskema tal-COVID-19 Wage Supplement u Covid-19 MDB Loan Assist scheme. 

Min-naħa tieghu, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li l-għan tal-investiment tal-kumpanija Magro Brothers huwa biex fost l-oħrajn iħares l-ambjent ta’ madwarna, jittejjeb l-aċċess għall-klijenti u anke jdaħħal aktar l-użu teknoloġiku. Stqarr kif dan l-investiment ra u se jibqa’ jara l-ħolqien ta’ aktar impjiegi fi ħdan il-Kumpanija Magro Brothers u b’hekk aktar xogħol f’Għawdex, għall-Għawdxin.  Fil-fatt, il-Ministru Camilleri spjega kif “huma investimenti bħal dawn li għenu biex anke fi żminijiet ta’ pandemija jissaħħaħ il-qasam tax-xogħol f’Għawdex, hekk kif disgħin fil-mija tal-Għawdxin li tilfu xogħolhom waqt il-pandemija reġgħu bdew jaħdmu.”

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Magro Brothers Christian Magro qal li f’100 sena ta’ storja intraprenditorjali, in-negozju tagħhom ġie rikonoxxut fuq livell internazzjonali għall-kwalità u konsistenza fil-prodotti tal-ikel li jipproduċu.  Sostna li fuq perjodu ta’ sentejn, l-investiment ta’ €1.5 miljun kien jikkonsisti f’makkinarju teknoloġiku ġdid, softwares avvanzati, linji ġodda fil-qasam tat-tkabbir tat-tadam lokali, proġetti ta’ żvilupp u riċerka fis-sezzjoni tal-prodotti tal-ħalib, iżjed esportazzjoni fi swieq ġodda, tnedija ta’ żewġ websites ġodda għal-bejgħ online u taħriġ lill-ħaddiema.

 Magro kkonkluda billi qal li llum il-kumpanija timpjega aktar minn 150 impjegat dirett u tiġġenera xogħol addizzjonali għal 180 individwu. Qal li dan l-investiment ser iwassal għal ħolqien ta’ iżjed impiegi ġodda mal-kumpanija, f’Għawdex.

More in Politika