Analiżi | L-ideoloġija u t-tfittxija għall-kumpass intellettwali u morali
Il-politika għadha ssib il-kumpass tagħha fl-ideoloġija? Jew illum l-unika ideoloġija saret biss dik tal-profitt, idettata mill-flus? Għalfejn m'aħniex naraw ir-riperkussjonijiet ħafna aktar fondi tal-iżviluppi politiċi li kellna fl-aħħar ġimgħat? Il-Professur Carmel Borg janalizza l-ideoloġija (jew in-nuqqas tagħha!) fil-politika llum ...
minn Carmel Borg
Fid-diskors politiku lokali qajla nitkellmu dwar l-ideoloġija, bir-riżultat li sikwit niddiskutu l-bidla fil-Gvern mingħajr ma nanalizzaw x’ikun qiegħed jinbidel fl-‘apparat ideoloġiku’ tal-Istat. Lil hinn mid-diskors maniġerjali, fejn il-partiti jistgħu jiddistingwu ruħhom fl-istil tat-tmexxija u l-governanza, l-impressjoni ta’ ħafna osservaturi politiċi hija li ideoloġikament iż-żewġ partiti ewlenin resqu viċin wisq ta’ xulxin. F’kuntest politiku kkaratterizzat minn xebħ ideoloġiku, diffiċli li wieħed jaspira għal xi bidla drastika fir-relazzjonijiet soċjali u fil-kwalità tal-ħajja, meta ideoloġikament hemm garanzija ta’ kontinwità ta’ dak li issa nistgħu nqisu bħala l-ħajja normalizzata - mod ta’ għixien iddettat mil-loġika tas-suq, l-ossessjoni bit-tkabbir ekonomiku u l-adorazzjoni tal-alla falz tal-profitt.
F’deżert formattiv, il-pinnur politiku f’Malta jdur bejn it-tattiċiżmi għażlija u post-moderni tad-drittijiet ċivili, l-għajta tal-akkumulazzjoni li titpendel bejn il-‘money no problem’ u l-‘make hay while the sun shines’, u t-tribaliżmu medjevali, komplut bl-armati, suspetti, tradimenti, assassinji, immoralità organizzata, spjunaġġ fuq in-nies, patrunaġġ, neputiżmu u territorjaliżmu fewdali.
Fil-kalma medjevali, fejn id-dritt jintiret, il-massa tfittex il-protezzjoni u l-ħelsien huwa privileġġ, importanti li nifhmu l-għerq tal-istat Malti, mhux bħala gvern tal-ġurnata, iżda bħala spazju ideoloġiku, li b’mod miftuħ jew sovverżiv jippermetti jew jimbotta relazzjonijiet soċjali, ekonomiċi u kulturali fil-ħajja ta’ kuljum; relazzjonijiet li jsawru l-aspirazzjonijiet, il-ħolm, ix-xewqat u l-aspettattivi tal-kotra, li b’mod passiv jew attiv, anke jekk mhux fl-interess tagħha, tappoġġja u tilleġittimizza d-diskors dominanti li jaqsam il-fruntieri tal-‘pika-partiti’.
L-Ideoloġija tal-Istat u kif tiddomina anke meta jinbidel Gvern
Tkun prużunzjoni kbira jekk wieħed jagħti l-impressjoni li hawn xi qbil dwar it-tifsira tal-kelma ideoloġija. Fl-analiżi tiegħi tal-Istat, id-diskors dwar l-ideoloġija jservini biex nistħarreġ kif kuxjenza kollettiva tifforma u tibqa’ dominanti, tant li ssir l-ewl id-dinja ta’ poplu. Il-permanenza ideoloġika, li tiżboq iz-zuntier tal-partit, il-ħajt tal-partiġġjaniżmu u l-kulur li jżewwaq l-għarfien individwali tad-dinja, tinżamm permezz ta’ xibka ta’ spazji ideoloġiċi (l-iskola, il-partit, il-familja, il-każini u l-medja, biex insemmi ħamsa), li lkoll għandhom funzjoni edukattiva fis-sens li jirriproduċu l-ideoloġija dominanti jew l-ideoloġija tal-Istat.
L-ideoloġija tal-Istat, li l-poplu jilleġġittimizza, b’appoġġ attiv jew b’mod passiv (bil-kwiet jew l-indifferenza), hija reżiljenti, tiġġedded u tibqa’ tiddomina minkejja l-bidliet tal-partiti fil-gvern, id-diffikultajiet akuti fit-tmexxija tal-pajjiż, l-għotor ekonomiku, il-kriżijiet reġjonali u internazzjonali, u t-tbatijiet personali.
Korporazzjonijiet internazzjonali jinvestu billi jaħslu flushom u jevadu t-taxxa f’pajjiżna. Ġenna fiskali, fejn kellu jkun l-barrani li jimponi fuq il-patrijott Malti l-obbligu li jibda jnaddaf il-mintna fiskali li jinsab fiha
Il-formazzjoni ta’ kuxjenza fuq livell popolari, permezz tal-apparat ideoloġiku tal-Istat (l-ispazji ideoloġiċi u l-intellettwali organiċi għall-ideoloġija dominanti), tinkolla lin-nazzjon ‘l hinn mill-bandiera u l-ilsien, li sikwit jiddefsu f’diskors dwar l-għaqda nazzjonali. Sadattant, dawk li jirrifjutaw li jiġu soċjalizzati fl-ideoloġija tal-Istat, permezz tal-proċess ‘edukattiv’, jiltaqgħu mal-qilla tal-istrumenti vjolenti - il-vjolenza verbali, id-diskors ta’ mibegħda, it-twarrib soċjali u professjonali, it-theddid, it-telfien ta’ xogħol, iċ-ċensura, il-vandaliżmu u l-vjolenza fiżika. Dawn l-istrumenti vjolenti għandhom l-għan, u sikwit jirnexxielhom, li jimmansaw u jdaħħlu lir-‘ribelli’ f’kultura ta’ silenzju li jtawwal il-ħajja tad-diskors dominanti.
Iżda, filwaqt li d-diskors dominanti huwa mħares sew mill-magna tal-kunsens, ebda diskors eġemoniku ma huwa kompletament protett. L-ixquq huma parti minn kull diskors, u d-dawl tal-ixquq huwa d-dawl tal-kontro-diskors, it-tama li b’azzjoni kontro-eġemonika, fi spazji ta’ tama, li tinkludi proċess ta’ għarfien dwar id-dinja u azzjoni mibnija fuq l-għarfien, għada jista’ jkun differenti minn dak li hu llum.
In-nuqqas tal-ħsieb kritiku u l-lagħqiżmu
F’dan l-isfond, nibdew nifhmu l-importanza strateġika tal-ħsieb kritiku, tal-għarfien profond bħala għodda indispensabbli għall-fejqan soċjali u ekonomiku. Nibdew nifhmu aħjar għaliex il-ħsieb kritiku huwa nieqes mill-ispazji ideolo-edukattivi, bħall-kurrikulu tal-istituzzjonijiet formali tal-edukazzjoni. Nifhmu wkoll għaliex l-ilħna favur din l-għodda tant importanti għad-demokrazija huma ftit, u għaliex ħafna minnhom huma mwarrbin jew magħdudin ta’ idealisti, ħalliema, kritiċi tal-magħqad, perikolużi, jew residenti tat-torri tal-avorju. Saħansitra nifhmu għaliex il-pedagoġija tal-preskrizzjoni – il-priedka mill-pulptu, l-awtoritarjaniżmu fil-familja, ir-relazzjoni tradizzjonali tal-espert mal-klijent jew il-pazjent, u d-diskors politiku patronizzanti – hija l-pedagoġija preferuta fil-kuntest Malti. Imbagħad nifhmu għaliex il-ġerarkija hija tant imħarsa fl-istituzzjonijiet tagħna, fejn kulħadd jistenna l-għamar minn ta’ fuqu, u ħadd ma jissogra jieħu inizjattiva jew jdardar l-għajn li jrid jixrob minnha. Nibdew nifhmu għaliex il-lagħqi huwa l-karattru ppreferut tal-politikant, u kif Ċensu ż-Żatat, iċ-ċarlatan li ma jagħrafx il-limiti kbar tiegħu, huwa figura daqstant importanti u prominenti fis-soċjetà tagħna.
F’kuntest fejn il-preskrizzjoni hija l-ordni tal-ġurnata, huwa ħafna aktar faċli li l-ideoloġija dominanti tixxettel u tifjorixxi. Il-fataliżmu, jew is-sens ta’ hekk konna u hekk se nibqgħu, li aħna hekk magħġunin, li mhux se mmutu kwadri meta twelidna tondi, ftit li xejn iħalli spazju għall-qari kritiku tad-dinja. Aktar minn hekk, meta l-kuxjenza tal-ideoloġija ħakkiema ssir l-aspirazzjoni tal-maħkum, it-trasformazzjoni tant urġenti fis-soċjetà tibqa’ mbegħda mill-aġenda popolari.
Il-Pandemija u l-Illużjoni tan-Normalità l-Ġdida
Stennejt li t-theżżiża fit-tul tal-pandemija se ġġib xi waqfien riflessiv u ħjiel ta’ tiġdid morali. Żbaljajt fl-istennija tiegħi. Il-kotra, mhedija b’dak li joħroġ ta’ kuljum mill-forn tal-awli tal-qorti u tal-gazzetti, kurjuża dwar min se jorqod il-ħabs, u anzjuża dwar in-numru ta’ infezzjonijiet u mwiet, kawża tal-pandemija, baqgħet mxennqa għan-normalità ta’ qabel l-imxija; ebda dubji serji dwar l-ideoloġija li sawret is-sens komun ta’ poplu, u ebda ħeġġa għal bidla morali, imqarr irtokk. Ħafna għadhom jinterpretaw dak li qiegħed jiġri bħala ħażen personali. Ftit li xejn intqal diskors dwar il-possibiltà li dak li mela l-paġni tal-gazzetti u ħafna mill-ħin tagħna huwa sintomatiku ta’ ideoloġija mifruxa u kunsens popolari.
L-ideoloġija tal-ġid privat, fejn is-suċċess fil-ħajja jitkejjel bl-ammont ta’ ġid li wieħed isorr, jinvesti u jakkumula. It-twemmin li bil-flus nistgħu nagħmlu triq fil-baħar, għax donnu kulħadd għandu prezz, u ħafna jistgħu jaqgħu quddiem il-qawwa tal-flus. Il-ġid privat li jissarraf f’patrunaġġ, influwenza, ħbieb fis-suq, ħbieb tal-ħbieb, u karità falza li ġġib ħelsien mit-taxxa u deher fil-pubbliku. Flus li jressquk qrib il-likk tal-poter u b’ħafna punti fil-ġirja għal aktar ġid.
L-ideoloġija tal-profitt, fejn l-immoralità fiskali u l-ħażna tal-ġid imorru flimkien. Fejn donnha l-ambizzjoni tal-leġislatur hija li jara li t-taxxa tkun mill-anqas, u li proporzjonalment il-klassi medja u dik tal-ħaddiema iħallsu aktar mill-biljunarju. Fuq kollox, li l-korporazzjonijiet internazzjonali jinvestu billi jaħslu flushom u jevadu t-taxxa f’pajjiżna. Ġenna fiskali, fejn kellu jkun l-barrani li jimponi fuq il-patrijott Malti l-obbligu li jibda jnaddaf il-mintna fiskali li jinsab fiha.
L-ideoloġija tal-profitt li tħossha komda mal-isfruttament tal-ħaddiema. Il-politika neoliberali li ħaddanna bħala poplu hija intrinsikament marbuta mal-esplojtazzjoni tal-ħaddiema, dawk li joħolqu l-ġid iżda jgawdu farka minnu. Xogħol prekarju li ħlasu bilkemm iwassal sal-aħħar tax-xahar. Il-ħaddiem viċin il-linja tal-faqar, li ħafna drabi jkollu jaħdem b’mod informali, għal ħlas u kundizzjonijiet mill-agħar. Ħaddiema li ma jitħallsux, mhedda li se jitkeċċew minn pajjiżna, jgħixu agħar mill-bhejjem, fi stalel u kull fejn jiġi. Xogħol bl-imqieta u bla ħarsien soċjali, b’uħud mill-ħaddiema jinġabru ta’ kuljum mit-triq, oħrajn permezz tal-mobajl. Suq tax-xogħol fejn il-ħlas tal-ħaddiema, mhux ftit fin-numru, huwa rkantat. Ħaddiema li fl-isfond tal-pandemija, u bl-eluf, intalbu jitilqu mill-pajjiż għax iċ-ċens f’’Malta Tagħna’ għalqilhom u posthom mhuwiex perpetwu. Ħaddiema f’battalja kontinwa biex uliedhom jibqgħu magħhom waqt li qegħdin iservu lis-sidien li, skont il-mantra politika, għandna għalfejn nirringrazzjawhom għax qegħdin joħolqu l-ġid. Allerġija għal-‘living wage’ u battalja sħiħa biex il-paga minima tagħti dinjità lill-ħaddiem. Ħondoq bejn l-irġiel u n-nisa fid-dħul għall-istess xogħol.
L-ideoloġija tal-profitt
L-ideoloġija tal-profitt li tqis il-faqar bħala frott l-għażż, għax temmen li din hija soċjetà ta’ opportunitajiet bla qies, fejn kull min irid jista’ jilħaq is-sema, u kull min jaqa’ lura tort tiegħu. Ideoloġija li tipprova tipperswadina li l-faqar ġej min-nuqqas ta’ ppjanar finanzjarju, nuqqas ta’ ħila fit-trobbija tat-tfal, nuqqas ta’ għaqal, fejn l-adulti jpoġġu x-xagħar u d-dwiefer qabel uliedhom. Ideoloġija li tħeġġiġna biex inħarsu b’supsett lejn il-ġenituri li jrabbu lil uliedhom weħidhom.
L-ideoloġija tal-profitt li timbotta l-kunċett falz tal-meritokrazija; kunċett li jassumi li s-suċċess huwa personali meta għandna l-provi kollha biex inkunu żguri li hemm rabta bejn dak li jidher li hu suċċess personali u l-kuntesti li l-bniedem jitrabba u jitrawwem fihom u l-istrutturi soċjali li ma jaħdmux tajjeb biżżejjed biex titwettaq il-ġustizzja soċjali fil-ħin, b’mod effiċjenti u effettiv.
L-ideoloġija tal-profitt li tqis l-art u dak kollu li huwa ambjent naturali bħala propjetà tal-bniedem. Kif jgħid is-sultan tal-iżviluppaturi, ħajja waħda għandna u l-profitt irid isir issa waqt li x-xemx għadha tiddi. Ideoloġija nieqsa mill-etika u mir-responsabilitajiet morali lejn ġenerazzjonijiet futuri. Ideoloġija tal-immedjat bbażata fuq il-ħtif u l-isfruttament ta’ riżorsi komuni, dejjem favur l-interessi privati.
L-ideoloġija tal-profitt li timbotta l-konsum sal-mewt. Ekonomija bbażata fuq ix-xiri bla rażan, u mkejla bl-indiċi tal-konsum. Ideoloġija li twebbilna li lkoll nistgħu naspiraw għal-lussu, u li l-lussu huwa l-indikatur li wasalna soċjalment. L-iskart, wieħed mill-ħsarat kollaterali tal-konsum bla qies, huwa sekondarju għall-ideoloġija tas-suq. Ixtri llum, naraw għada.
L-ideoloġija tal-profitt li għandha tweġiba privata għal kull servizz, mill-produzzjoni tal-ilma, proprjetà pubblika, sas-servizz tas-saħħa. F’dan il-kuntest, dawk li jifilħu jħallsu huma dejjem l-ewwel fil-linja, jinqdew qabel u mill-aħjar.
L-ideoloġija tal-profitt ma tridx titkellem dwar differenzi soċjali. Tkasbar jew tinjora lill-intelletwali meta jfakkruha li wlied il-ħaddiema huma l-vittmi ta’ sistema edukattiva li mhix effettiva, jew li s-suq tax-xogħol huwa sessist u razzist, jew li s-sistema fiskali hija mmorali, jew li t-tnaqqir tal-art pubblika hija att vandalu kontra l-komunità. L-anti-intellettwaliżmu huwa id-domma meħtieġa biex l-ilma ideoloġiku ma jiċċaqlaqx.
Ħelsien - Ir-ritorn tal-ideoloġija bħala tema politika ċentrali
Faċli naqtgħu qalbna meta nifhmu l-konsegwenzi tal-ideoloġija li ħaddanna fi skiet jew bl-indifferenza.
Ir-ritorn tal-ideoloġija bħala tema ċentrali tal-ħajja politika hija parti mir-ritorn taċ-ċittadini, mhux bħala oġġetti tal-Istorja iżda bħala suġġetti ħassieba li jiċħdu it-tixjir tal-bnadar u l-imkatar, il-qbiż fuq l-ispallejn bħala parti mill-koreografija tal-ħakkiem, u l-vanġelu skont il-partit, biex jiksbu l-ħelsien li jġib il-ħsieb kritiku, l-għatx għall-għarfien soċjali, u l-ħidma soċjali fi xrieki li twassal għall-bidla profonda f’soċjetà bla kumpass intellettwali u morali