Il-PN jipproponi li l-laqgħat tal-ERA jkunu miftuħa għall-pubbliku

Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed iressaq Private Members Bill bil-għan li l-Parlament jemenda l-operat tal-Awtorita Maltija għall-Ambjent u r-Riżorsi anke biex NGOs ikollhom ċans jagħmlu u jressqu r-rappreżentazzjonijiet tagħhom

Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed iressaq Private Members Bill bil-għan li jkun hemm bidla fil-liġi li tirregola l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex din taħdem aktar b’mod trasparenti għall-ġid tal-ambjent tal-pajjiż.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Whip tal-Oppożizzjoni, Robert Cutajar spjega kif fost affarijiet oħra, il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li l-laqgħat tal-bord tal-ERA jkunu miftuħa għall-pubblika.

Sal-lum, ħadd ħlief il-membri tal-bord ma jkunu jafu meta u xiex se jkun diskuss.

Qed jipproponi wkoll li l-aġenda ta’ dawn il-laqgħat tkun ikkommunikata minn qabel biex hekk l-NGOs u anke terzi persuni li jkollhom interess fil-kwistjoni diskussa, ikollhom ċans li jressqu r-rappreżentazzjonijiet tagħhom.

“L-NGOs qed jikkonfermaw li mhux jingħataw biżżejjed widen. Se nressqu numru ta’ proposti għax nemmnu li anke fil-qasam tal-ambjent hemm bżonn paġna ġdida għal pajjiżna,” insista l-kelliem tal-Oppożizzjoni.

Insista li fuq livell nazzjonali hemm karba anke fil-qasam ambjentali għax in-nies qed jindunaw li għall-Gvern kollox jgħaddi.

“Illum għandna entitajiet tal-Gvern li jaħsbu li huma ‘l fuq mil-liġi u jaħdmu mingħajr permess. Għall-Oppożizzjoni dan mhuwiex aċċettabbli,” saħaq Cutajar.

Insista li din hija biss proposta waħda li se tkun qed taħdem u tippreżenta l-Oppożizzjoni f’dan il-qasam għax fi kliemu, il-Partit Nazzjonalista bil-fatti jemmen li l-ambjent tal-pajjiż jixraqlu l-aqwa u l-aħjar.

Cutajar insista li dawn il-proposti msemmija hawn fuq se jkunu maħduma f’qafas legali. Insista li dan se jsir biex jekk il-Gvern ma jressaqx ‘il quddiem hu dak li qed titlob l-Oppożizzjoni, allura se tkun l-Oppożizzjoni stess li permezz ta’ dan il-Private Members Bill tressaq ‘il quddiem dawn l-emendi.

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni Kevin Cutajar li insista li l-Gvern qed jinjora lill-għaqdiet volontarji li ddeskrivhom bħala forza b’saħħitha fid-demokrazija.

Mistoqsija mill-ġurnalisti dwar il-fatt li NGOs talbu għar-riżenja taċ-Chairperson tal-ERA Victor Axiak u jekk il-PN jaqbilx magħhom, l-ebda wieħed mill-kelliema ma wieġeb.

Cutajar qal biss li fl-aħħar ġimgħat kellu laqgħat ma' diversi NGOs u għaqdiet ambjentali u l-konferenza tal-lum kienet riflessjoni ta' dak li ġie diskuss, jiġifieri li hemm bżonn aktar trasparenza fl-operat tal-bord tal-ERA.

More in Politika