Tħażżiż mal-faċċata rrestawrata tal-Kurja b'messaġġi kontra l-vaċċin

Il-faċċata tal-Kurja għadha kemm ġiet irrestawrata

Matul il-lejl li għadda, xi ħadd mhux magħruf ħażżeż bi spray aħmar il-faċċata tal-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana, b'messaġġ li jattakka mhux biss lill-Knisja imma wkoll il-vaċċin kontra l-Covid-19.

Il-messaġġ jiddeskrivi lill-Kurja bħala "d-dar tal-qattiela" u li l-vaċċin sar biex joqtol lin-nies. Ovvjament dan imur kontra l-istudji u r-riżultati li qed juru biċ-ċar kemm il-vaċċin huwa effettiv u kemm naqsu l-għadd tal-persuni li qed ikollhom bżonn jiddaħħlu l-isptar meta jimirdu bil-virus.

Jidher li minnufih ittieħdu passi u dan l-ispray tgħatta sakemm jitneħħa minn mal-faċċata tal-Kurja li għadha kemm ġiet irrestawrata.

Fi żmien il-Ġimgħa Mqaddsa, iżda anke wara, l-Arċisqof Charles Scicluna tkellem dwar il-vaċċin u insista li min ma jiħux il-vaċċin mhux biss ikun qed jagħmel ta' rasu imma anke jpoġġi f'periklu lil ħaddieħor. 

L-Arċisqof kellu wkoll kliem iebes kontra dawk il-persuni li mhux jobdu r-restrizzjonijiet u saħaq li minħabba l-aġir irresponsabbli tagħhom qed ibati ħaddieħor, inkluż dawk li sa ftit tal-jiem ilu ma setgħux jattendu għaċ-ċelebrazzjonijiet fil-knejjes għax dawn kienu magħluqa għall-quddies.

L-awtoritajiet tas-saħħa, inkluż id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, kemm-il darba rringrazzja lill-Knisja u lill-Arċisqof għall-koperazzjoni tagħhom.

More in Politika