Il-pandemija qed tiswa' lill-pajjiż €5 miljuni kuljum - Il-Ministru Clyde Caruana

Id-defiċit ipproġettat jirdoppja għal 12% tal-GDP jgħid il-Ministru Caruana li jgħid ukoll illi l-Gvern se jibqa' jwieżen lill-poplu ...

Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha ta ħarsa lejn is-sitwazzjoni finanzjarja tal-pajjiż fid-dawl tal-pandemija tal-Covid-19 żvela l-piż li qed tħalli l-pandemija, l-aktar minħabba l-miżuri finanzjarji diversi li ttieħdu biex jilqgħu għall-virus. 

Caruana żvela kif il-pandemija qed tiswa' lill-pajjiż €5 miljuni kuljum, inkluż sibtijiet, ħdud u festi, "jiġifieri għada nqumu u l-pandemija terġa' tiswina €5 miljuni oħra."

Il-Ministru Caruana jgħid illi dan it-telf jista' jinqasam fi tnejn:  €3 miljuni kuljum li qed imorru f'għajnuniet lill-ekonomija, fosthom Suppliment tal-paga, għotjiet u diversi skemi li ħabbar il-Gvern, filwaqt li €2 miljuni oħra huma tnaqqis fid-dħul tal-Gvern.  Huwa indika t-tnaqqis fit-turżmu bħala l-akbar kontributur għal dan it-tnaqqis fid-dħul. 

Fil-fatt Caruana sostna illi filwaqt li fl-2019 Malta kellha mat-2.8 miljun turist, is-sena l-oħra ġew biss 660,000, li jfisser - ikompli jispjega l-Ministru Clyde Caruana - illi għal kull €100 li kienu jħallu t-turisti f'pajjiżna fl-2019, is-sena l-oħra ħallew biss €20.  Dan irriżulta fi tnaqqis drastiku fid-dħul minn dan is-settur - li fl-2019 laħħaq it-2.2 biljun, iżda li fl-2020 niżel għal €455 miljun. 

Il-Ministru qal li l-Gvern irid ikompli jwieżen lill-pajjiż, anke jekk issa l-pandemija twalet aktar milli kien mistenni, tant li d-defiċit proġettat għal din is-sena se jirdoppja biex minflok 5.9% tal-Prodott Gross Domestiku, issa għal din is-sena huwa proġettat li se jkun 12%. 

Il-Ministru Caruana aċċerta iżda li l-Gvern mhuwiex se jintroduċi taxxi ġodda għaliex ma jemminx fil-politika tal-awsterità, iżda se jaċċerta li bit-tkabbir mill-ġdid id-dħul tal-pajjiż jerġa' jiżdied.

Minkejja kollox iżda d-defiċit mistenni jerġa' jonqos u jinnormalizza mis-sena d-dieħla meta l-Gvern qed jipproġetta defiċit ta' 5.6% li imbagħad jerġa jonqos għal 3.9% fl-2023. 

"Fl-ebda ħin dan it-titjib mhu se jseħħ b'taxxi ġodda.  U din hija importanti ħafna għax dak li għamel fis-snin li għaddew dan il-Gvern, se jkompli jagħmlu fis-snin li ġejjin - ħalli nagħtu s-serħan il-moħħ lil min irid jinvesti f'pajjiżna," qal Caruana. 

Huwa ħabbar li d-dejn tal-pajjiż jikkumpara tajjeb ħafna ma' dak f'pajjiżi oħrajn fl-UE, b'66% tal-Prodott Gross Domestiku.  

(Dan l-artiklu qed ikun aġġornat)

More in Politika