Il-Brażiljan imiss! Imma dan il-varjant aktar perikoluż? Il-vaċċin jaħdem? L-ILLUM tispjega
Sa issa ma hemm xejn li juri li l-vaċċin ma jaħdimx fuq il-varjant Brażiljan anke jekk l-effettività tista' tvarja
minn Yendrick Cioffi
Ilbieraħ id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li l-awtoritajiet tas-saħħa sabu tliet każi tal-varjant Brażiljan tal-Covid-19. Tista’ tgħid li jeżistu eluf ta’ verżjonijiet jew varjanti tal-Covid-19. Ħafna minn dawn il-varjanti ma jbiddlu kważi xejn mill-virus iżda oħrajn jistgħu jkunu aktar b’saħħithom u jinxterdu aktar malajr.
Il-varjant Brażiljan, magħruf ukoll bħala P1 huwa wieħed minn dawk il-varjanti li qed iqajmu l-aktar tħassib, fosthom għax jinxtered aktar malajr Apparti dan il-varjant, varjanti oħra li qajmu tħassib huma:
- Il-varjant tar-Renju Unit (magħruf ukoll bħala B.1.1.7). Dan huwa l-varjant li wassal għal mewġa qawwija ta’ infezzjonijiet anke f’Malta imma li xorta waħda ġie kkontrollat bis-saħħa ta’ restrizzjonijiet u anke t-tilqim.
- Il-varjant tal-Afrika ta’ Isfel (magħruf ukoll bħala B.1.351). F’Malta wkoll instabu xi każi imma ġew ikkontrollati.
- Il-varjant tal-Indja (magħruf ukoll bħala B.1.617). Dan ukoll qed iqajjem tħassib u fl-aħħar jiem daħal ukoll fir-Renju Unit. Il-bidliet ġenetiċi li għadda minnhom dan il-varjant jista’ jagħmlu aktar perikoluż għax jinxtered aktar malajr u jista’ jkun ukoll li l-vaċċin mhuwiex daqshekk effettiv kontrih. Madanakollu għad hemm bżonn aktar studji dwar dan.
Wieħed ta’ min jifhem li kwalunkwe virus jinbidel kontinwament b’dak il-proċess naturali li jissejjaħ mutazzjoni, fejn ikollok bidla fl-istruttura tal-ġene. Xi drabi dawn il-varjanti ta’ virus jisparixxu waħedhom iżda oħrajn jippersistu u jsiru dominanti. Għalhekk ma kinitx sorpriża li anke l-Covid-19 jiżviluppa dawn il-varjanti.
Imma għandna għaliex ninkwetaw minħabba l-varjant Brażiljan?
Sa issa ma hemm l-ebda evidenza li turi li dawn il-varjanti jikkawżaw sintomi aktar serji. Ovvjament ir-riskju jiżdied għal persuni li huma akbar fl-età jew inkella għandhom kundizzjonijiet mediċi, bħal fil-każ tal-Covid-19 normali.
Fejn jidħol il-varjant Ingliż, xi riċerka qed tissuġġerixxi li dan jista’ jkun assoċjat ma’ 30% aktar riskju ta’ mewt imma dan l-istudju mhuwiex konklussiv.
Ovvjament, aktar ma jkun hemm każi, aktar hemm ċans li jkun hemm persuni li jiżviluppaw sintomi severi u eventwalment imutu.
X’bidla għaddew minnha dawn il-varjanti?
Il-varjanti kollha, anke dak tal-Brażil, esperjenzaw bidliet f’dik li tissejjaħ ‘spike protein’ jiġifieri dik ix-xewka li jkun hemm fil-virus u li ‘taqbad’ maċ-ċelloli umani u propju għalhekk li dawn il-varjanti jinxterdu aktar malajr u għalhekk huma aktar infettivi.
Fil-fatt, skont esperti, il-varjant Ingliż jista’ jkun li jinxtered 70% aktar malajr mill-Covid-19 normali u dan rajnih f’diversi pajjiżi li esperjenza żieda fil-każi u fejn saħansitra dan il-varjant sar dominanti, kif ġara f’Malta.
Mir-riċerka li saret sa issa, jidher ukoll li l-varjant Afrikan u dak tal-Brażil jista’ jkun li żviluppaw bidliet aktar importanti f’din ix-xewka.
Fil-fatt dawn għandhom mutazzjoni, li tissejjaħ E484K li tista’ tgħin lill-virus jevadi partijiet mis-sistema immunitarja, li jissejħu ‘antibodies’ u li huma importanti biex jiġġieldu lill-virus jew għax il-ġisem ikun diġà ltaqa’ mal-virus u għalhekk ‘ikollu l-esperjenza,’ jew inkella għax ikun ħa l-vaċċin.
Madanakollu dan ma jfissirx li l-vaċċin mhuwiex effettiv. Għall-kuntrarju, il-varjant Indjan jista’ jkun li għadda minn bidliet aktar importanti li jista’ jagħmlu reżistenti għall-vaċċin.
Il-vaċċin jaħdem kontra dawn il-varjanti?
Ovvjament, il-vaċċin li qed ikun amministrat bħalissa ġie ‘ddisinjat’ fuq l-ewwel verżjonijiet tal-virus imma sa issa ma hemm xejn li qed juri li l-vaċċin jista’ ma jaħdimx kontra xi varjanti, anke jekk l-effettività tista’ tvarja.
Fil-fatt, studju riċenti wera kif il-varjant Brażiljan jista’ jkun li qed jirreżisti antibodies li jkunu żviluppaw dawk il-persuni li jkunu mardu bil-Covid-19 u fiequ. Iżda dan ma jfissirx li l-vaċċin ma jaħdem xejn fuqu.
Riżultati minn testijiet fil-laboratorju u anke esperjenza f’diversi pajjiżi juru li l-vaċċin ta’ Pfizer jista’ jipproteġi kontra dawn il-varjanti, anke jekk l-effettività tista’ tonqos xi ftit.
Informazzjoni minn AstraZeneca tissuġġerixxi li dan il-vaċċin jaħdem ħafna tajjeb kontra l-varjant tar-Renju Unit. Jista’ jkun li l-effettività tonqos xi ftit fil-każ tal-varjant Afrikan, iżda xorta waħda jibqa’ jipproteġi kontra infezzjoni jew sintomi serji.
Fil-każ ta’ Moderna, jirriżulta li l-vaċċin huwa effettiv ukoll kontra l-varjant Afrikan għalkemm ir-rispons immunitarju jista’ ma jkunx daqshekk b’saħħtu jew inkella jdum inqas.
Anke l-varjant ta’ Janssen jidher li huwa effettiv kontra dawn il-varjanti, anke jekk l-effettivita tista’ tvarja.
Il-virus se jibqa’ jinbidel. Aktar ma jinfirex, aktar hemm ċans li joħorġu varjanti ġodda.
Madanakollu, skont esperti, fi żmien ftit ġimgħat, jew inkella xhur, il-vaċċin jista’ jkun immodifikat b’tali mod li jkun jilqa’ aktar kontra varjanti ġodda.
Wara kollox dan huwa dak li jiġri fil-każ tal-influwenza. Kull sena tingħata tilqima ġdida biex tilqa’ kontra bidliet li jista’ jkun hemm fil-virus tal-influwenza.
X’nafu b’ċertezza?
Filwaqt li ħafna studji għadhom għaddejja fuq il-Covid-19 u l-varjanti tiegħu, hemm diversi affarijiet li huma ċerti:
- Aktar ma jinxtered il-Covid-19 aktar hemm ċans li jiżviluppaw varjanti
- Anke jekk ħafna mill-bidliet fil-virus ma jkollhomx effett, il-virus jista’ jinbidel b’tali mod li jgħinu jissopravivi u jibqa’ jinxtered. Dawn il-varjanti jistgħu jsiru dominanti
- Il-virus se jibqa’ jinbidel imma, jekk ikun hemm bżonn, il-vaċċin jista’ jkun modifikat biex jiġġieled lilhom ukoll
- L-aktar miżuri bażiċi ta’ mitigazzjoni, fosthom l-iġjene tal-idejn, l-ilbies tal-maskri u d-distanza soċjali wkoll jistgħu jnaqqsu t-tixrid tal-varjanti