Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet illi r-riżultat tat-tilqim issa huwa ċar bin-numri dejjem neżlin ta' pazjenti fi sptarijiet u djar tal-anzjani madwar il-pajjiż. Fil-fatt bħalissa ma hemm ebda pazjent bil-Covid-19 f'Għawdex u lanqas fil-Faċilità Good Samaritan f'Buġibba.
Intant Gauci ħabbret illum li hemm tmien każi fl-ITU, tmienja oħra fl-Infectuous Diseases Unit u 24 f'wards differenti fl-Isptar Mater Dei. Tnax-il pazjent jinsab fl-Isptar Boffa, 12 oħrajn fl-Isptar St Thomas, seba' fl-Isptar Karin Grech u tlieta f'Mount Carmel.
"L-impatt li qed iħalli t-tilqim huwa ċar - fid-djar tal-anzjani matul il-ġimgħa kellna biss żewġ każi, wieħed bla sintomi u ieħor b'sintomi ħfief ħafna. Imma minkejja dan għadu m'għaddiex kollox u jeħtieġ inkunu kawteli," saħqet is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci.
Intant Gauci qalet illi l-maġġoranza tal-każi baqgħu minn fost clusters fid-djar b'117-il każ, imbagħad fuq il-postijiet tax-xogħol b'72 każ - ħafna minnhom minn cluster ta' post tax-xogħol wieħed, 36 każ kien importat u 26 każ ieħor kienu ġejjin minn ġemgħat soċjali.
Intant ara kif fl-ewwel ġimagħtejn, irriżultaw 28 każ ta' Covid-19 fost studenti fl-iskejjel u seba' każi pożittivi fost ħaddiema tal-iskejjel.