Vouchers ta' €100 għat-turisti li jintużaw f'ċentri tal-għadds madwar il-pajjiż minn Ġunju
Il-Ministru Clayton Bartolo jħabbar żewġ skemi oħra - waħda għat-turisti tal-għadds u oħra għat-turiżmu sportiv
minn Albert Gauci Cunningham
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo ħabbar żewġ skemi oħra, bil-għan li jiġu attirati turisti lejn pajjiżna - wara dawk li jitrattaw vouchers lil turisti li jibbukkjaw f'lukandi, għotjiet lill-aġenziji tal-ivvjaġġar kif ukoll għajnuna għas-settur tal-konferenzi u għotjiet għall-marketing lill-akkomodazzjoni oħra bħal appartamenti u hostels .
L-ewwel skema titratta vouchers ta' €100 lil dawk it-turisti li jiġu pajjiżna biex jipprattikaw l-għadds, liema vouchers jistgħu jissarfu mit-turist f'wieħed miċ-ċentri tal-għadds imxerdin madwar Malta u Għawdex. Din l-iskema se tidħol fis-seħħ minn Ġunju li ġej u l-Ministru Bartolo qal illi se tħalli €12-il miljun fl-ekonomija tal-pajjiż u se tiswa €750,000.
It-tieni skema hija simili: Vouchers ta' €100 għal kull persuna li tiġi Malta fuq turiżmu sportiv. Dawn il-flus se jingħataw lill-għaqdiet sportivi tad-dixxiplini kollha u l-iskema se tidħol fis-seħħ f'Lulju li ġej.
L-iskemi mħabbrin sa issa ...
Il-Ministru Bartolo l-ġimgħa l-oħra ħabbar li dawk li għandhom guest house jew boutique hotel se jieħdu €1,000 għal kull stabbiliment, filwaqt li lukandi ta' żewġ stilel se jieħdu €500 għal kull stabbiliment. Hostels u holiday furnished flats se jieħdu €250 għal kull proprjetà. Dawn il-flus se jingħataw bil-patt u l-kundizzjoni li jintefqu fuq marketing tal-proprjetà, bil-Gvern jaċċerta li dan huwa l-każ qabel jgħaddi l-flus.
Intant il-Ministru ħabbar skema oħra, din id-darba għas-settur tal-konferenzi li se tiswa' €4 miljuni. Permezz ta' dan l-inċentiv il-Gvern se joffri €75 meta n-nefqa tkun ta' bejn €600 u €800 għal kull delegat, u rifużjoni ta' €150 għal kull delegat meta n-nefqa taqbeż it-€800 għal kull delegat.
Qabel dawn il-Minstru Bartolo ħabbar żewġ skemi oħra. Permezz tal-ewwel inizzjattiva se tkun qiegħda tingħata għajnuna finanzjarja mill-MTA ta’ €100 għal kull persuna li tibbukkja f’lukanda ta’ ħames stilel, €75 għal kull persuna li tibbukkja f’lukanda ta’ erba’ stilel, u €50 għal kull persuna li tibbukkja f’lukanda ta’ tliet stilel. Dan l-ammont irid jiġi rduppjat mil-lukanda parteċipi fl-iskema.
Fi kliem sempliċi l-lukandi jridu jipparteċipaw bl-istess ammont li ser tkun qiegħda tagħti l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, jiġifieri kull turist se jibbenefika minn €200 (€100.00 mill-Awtorità u €100 mill-lukanda parteċipi) jekk jagħżel li jibbukkja ġewwa lukanda ta’ ħames stilel, €150 (€75.00 mill-Awtorità u €75.00 mill-lukandi parteċipi) jekk jibbukkja ġewwa lukanda ta’ erba’ stilel, u €100 (€50.00 mill-Awtorità u €50 mill-lukanda parteċipi) jekk ħa jibbukkja f’lukanda ta’ tliet stilel. Dawn l-ammonti ser ikunu qed jintefqu f’akkommodazzjoni, ikel u xorb jew servizzi varji fl-istess lukanda.
U finalment skema oħra hija dik ta’ €3 miljun sabiex operaturi tal-ivvjaġġar jiġġeneraw aktar bookings lejn Malta u Għawdex.
Il-Ministru Clayton Bartolo tenna li din l-iskema hija għal operaturi tal-ivvjaġġar li jippromovu u jbigħu pakketti ta’ vjaġġar lejn Għawdex u Malta lil turisti li ser jivvjaġġaw lejn il-gżejjer Maltin sal-aħħar ta’ din is-sena.