Il-każi attivi jkomplu jonqsu u aktar minn 100,000 persuna jieħdu t-tieni doża tal-vaċċin

Fl-aħħar 24 siegħa nstabu 15-il każ ġdid ta' Covid-19

Il-każi attivi tal-Covid-19 komplew jonqsu hekk kif l-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru 15-il każ ġdid ta' Covid-19 filwaqt li fiequ 58 persuna.

Dan iffiser li bħalissa f'Malta hawn 422 persuna morda bil-virus.

Fl-aħħar 24 siegħa ma kienet irreġistrata l-ebda mewta.

Intant kompla wkoll it-tilqim hekk kif issa 100,686 persuna ħadu ż-żewġ dożi. B'kollox sa issa ġew amministrati 313,379 doża.

Mil-lum komplew jonqsu r-restrizzjonijiet hekk kif dalgħodu reġgħu fetħu n-negozji kollha li mhumiex essenzjali u anke bdew jingħataw is-servizzi mhux meqjusa essenzjali.

Bħalissa dawk li għandhom aktar minn 40 sena qed ikunu mħeġġa jirreġistraw biex jingħataw appuntament għall-vaċċin. Wieħed jista' japplika minn fuq is-sit vaccin.gov.mt jew inkella jċempel fuq 99180045 (Malta) u 99120044 (Għawdex).

More in Politika