16% tal-adoloxxenti Maltin li għandhom bejn 15 u s-16-il sena jagħmlu użu mill-kannabis. Dan huwa 4% inqas mill-medja tal-Unjoni Ewropea.
Mill-banda l-oħra, terz tal-adoloxxenti Maltin jemmnu li faċli jakkwistaw il-kannabis ħafna aktar minn kemm jemmnu dan il-bqija tal-adoloxxenti Ewropej.
Dan jirriżulta minn studju li sar mill-Fakultà tal-Benessri Soċjali fi ħdan l-Università ta’ Malta, liema studju kien ikkummisjonat mill-Fondazzjoni Save A Life li kienet twaqqfet mid-Deputat Claudio Grech u martu Charmaine.
Fejn jidħol il-konsum tal-alkoħol, l-istudju juri kif dan sar normalizzat, speċjalment fost studenti universitarji. L-istudju sab tnaqqis fejn jidħol il-konsum tal-alkoħol esaġerat fost dawk li għandhom bejn 15 u 16-il sena, anke jekk proporzjon żgħir minnhom jidher li jixorbu mhux ħażin.
Il-konsum tal-alkoħol jidher li huwa aktar komuni fost il-ġuvintur anke jekk fejn tidħol id-droga, id-differenza bejn l-irġiel u n-nisa qed tonqos.
Mill-banda l-oħra, l-użu mhux mediku ta’ mediċina li għaliha hemm bżonn ir-riċetta tat-tabib huwa aktar komuni fost it-tfajliet. Jidher li t-trawma u anke l-vjolenza jżidu riskju li tfajla tispiċċa tabbuża minn mediċina.
L-istudju sab ukoll li l-irġiel se jfittxu aktar għajnuna biex jegħlbu l-vizzju bil-maġġoranza ta’ dawk li jfittxu l-għajnuna jagħmlu dan minħabba l-użu tal-eroina.
“Għandha obbligu li nagħtu appoġġ lil dawk l-aġenziji u l-organizazzjonijiet li huma fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-abbuż mid-drog u s-sustanzi u dan huwa l-għan ta’ dan l-istudju,” saħaq Grech waqt il-preżentazzjoni tal-istess studju.
Id-Deputat tkellem dwar dak li jgħaddu minnu ġenituri li jitilfu lil xi ħadd minn uliedhom minħabba d-droga u saħaq li din hija l-akbar weġgħa li esperjenza fil-ħajja pubblika tiegħu.
“L-abbuż mis-sustanzi jkisser mhux biss lill-vittmi imma anke l-qraba tagħhom,” saħaq Grech.
Id-Dekan tal-Fakultà tal-Benessri tas-Soċjetà, il-Professur Andrew Azzopardi saħaq kif dan l-istudju huwa pass importanti ‘l quddiem biex il-pajjiż ikompli jindirizza l-isfidi marbuta mal-vizzji.
Il-Fondazzjoni Save A Life twaqqfet biex tifhem aħjar il-kawżi li jwasslu għall-vizzji u biex tinvesti fi proġetti li huma indirizzati biex jipprevenu liż-żgħażagħ milli jispiċċaw vittmi.