"Il-Marsa mhijiex il-miżbla ta' Malta u l-Marsin mhumiex residenti tat-tieni jew tat-tielet klassi." Hekk kiteb id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech wara li Kumitat Parlamentari approva l-mozzjoni tal-Ministru Ian Borg biex il-faċilità għat-tindif tat-tankijiet timxi mir-Rinella għall-Marsa.
Fuq Facebook, id-Deputat Nazzjonalista insista li bħala Deputat elett minn dan id-distrett ħadd mid-Deputati, inkluż dawk tal-Oppożizzjoni, ma tkellmu miegħu qabel ma ttieħed il-vot.
Insista li wara li ra dak propost u anke l-argumenti li tpoġġew, ikkonkluda li ma hemm l-ebda raġuni valida għaliex għandha tkun il-Marsa u l-Marsin li jefgħu "dan il-piż."
"Il-Marsin refgħu biżżejjed (anzi żżejjed) piżijiet għal wiċċ ħaddieħor," saħaq. "Il-Marsin dejjem batew. Gvernijiet Laburisti dejjem ħaduhom for granted għaliex jafu li hemm maġġoranza kbira Laburista. Gvernijiet Nazzjonalisti ma tawx importanza biżżejjed lil din il-lokalità."
Grech saħaq li meta ressaq il-mozzjoni, il-Ministru Borg qal li qabel tkellem mal-Kunsill Lokali tal-Kalkara iżda fl-istess nifs qal li kien għad irid jitkellem mal-Kunsill Lokali tal-Marsa.
IL-MARSIN M’HUMIEX RESIDENTI TAT-TIENI JEW TAT-TIELET KLASSI
Il-Marsin dejjem batew. Gvernijiet Laburisti dejjem...
Posted by Claudio Grech on Monday, 26 April 2021
"X’inhi r-raġuni li ma’ saritx diskussjoni mal-Kunsill Lokali tal-Marsa qabel ma’ tressqet il-mozzjoni u mhux wara?", staqsa Grech.
Insista li kull forma ta' rilokazzjoni ta' dan it-tip tirrikjedi studju dettaljat tal-impatti fuq il-komunità.
"Allura għaliex għall-proġett daqshekk sensittiv għall-Marsin dan ma’sarx?", kompla jistaqsi.
Appella lill-Gvern biex iwaqqaf dan il-proċess u ma jġibx din il-mozzjoni għall-votazzjoni fil-Parlament qabel ma jsir qbil mal-Kunsill Lokali tal-Marsa u qabel ma ssir konsultazzjoni mal-Marsin.
"Nappella lil kull Deputat tal-Ewwel Distrett biex jappoġġjaw din it-talba," temm jisħaq id-Deputat.