'Fiduċjuż li se jkollna sajf u sajf tajjeb sew' - Il-PM Abela

Il-Prim Ministru jgħid li l-bookings għal dan is-sajf huma inkoraġġanti

Il-Prim Ministru Robert Abela huwa u jindirizza konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu illi matulha, flimkien mal-Ministru Miriam Dalli, ħabbar elenku ta' skemi u miżuri ta' għajnuna lin-negozji qal illi l-bookings għas-sajf huma "inkoraġġanti" u sostna illi dan huwa primarjament grazzi għall-mod kif Malta għaddejja bil-proċess ta' vaċċinazzjoni kif ukoll għall-mod kif qed isir ir-rilaxx tal-miżuri, ftit, ftit. "Bħalissa t-turisti qed jaraw is-sitwazzjoni tal-Covid-19 f'diversi pajjiżi u jagħmlu d-deċiżjonijiet tagħhom dwar fejn se jmorru.  Fiduċjuż li se jkollna sajf u sajf tajjeb sew," qal il-Prim Ministru. 

Nhar il-Ħadd li għadda l-gazzetta ILLUM żvelat kif Malta se tkun mal-ewwel pajjiżi fuq il-Lista l-Ħadra tar-Renju Unit li se jkun qed jerġa' jiftaħ it-turiżmu f'nofs Mejju.  Sorsi qalu lill-gazzetta wkoll illi minkejja li l-bidu ta' Ġunju jidher kwiet ħafna sa issa, il-bookings fil-lukandi għal Lulju huma promettenti, filwaqt li Awwissu jidher illi huwa b'saħħtu diġà b'numru ta' lukandi diġà fully-booked. 

Dwar ilmenti għal dak imħabbar nhar il-Ħadd li għadda, jiġifieri li r-ristoranti se jiftħu imma sal-5 pm biss, Abela ammetta li hemm min hu diżappuntat imma qal illi d-deċiżjonijiet li qed jieħu l-Gvern huma ggwidati mill-pariri xjentifiċi.  Filwaqt li għamilha ċara illi naturalment din mhix sitwazzjoni perpetwa, wissa li jekk il-proċess tal-ftuħ tan-negozji ma jibqax isir b'mod kawt "malajr nistgħu nitilfu dak kollu li ksibna."

More in Politika