'Ċaqlieq żgħir' fost tal-ħwejjeġ ... ħwienet tas-sbuħija 'mifqugħin'

Il-Prim Ministru qed jikkunsidra proposta quddiemu biex il-vouchers għall-ħwienet li diġà fetħu joħorġu issa, hekk kif mal-ILLUM il-Kamra tal-SMEs tgħid li 'għadna 'l bogħod sew biex ħwienet tal-ħwejjeġ/żraben/aċċessorji jieqfu jagħmlu telf kbir'

Din l-aħħar ġimgħa kienet tajba ħafna għal ħwienet tas-sbuħija bħal barbiera, hairdressers, beauticians, ħwienet tad-dwiefer u oħrajn simili, tant li kienu bosta dawk li rrappurtaw illi kellhom bejgħ qawwi ħafna bil-klijenti ma jiqfux (ara paġna 4).  Ikkonfermat dan il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji (SMEs) Abigail Mamo li sostniet iżda illi s-sitwazzjoni fost il-ħwienet tal-ħwejjeġ, żraben u aċċessorji fl-ewwel ħamest ijiem wara r-rilaxx ta' ftit mill-miżuri, kien ħafna aktar kajman u ddeskrivietu biss bħala 'ċaqlieq żgħir.' 

"Din il-ġimgħa se nkunu qed nagħmlu sondaġġ biex naraw aktar fid-dettall, imma sa issa s-sentiment hekk hu - jiġifieri li fil-bejgħ bl-imnut (retail) ix-xogħol kien bil-mod - xi ftit qadjiet u min kellu bżonn ibiddel xi ħaġa li kien xtara.  Dan minkejja li għad irridu naraw ukoll x'ġara illum li hija festa (Ilbieraħ kien l-1 ta' Mejju) biex ikollna stampa aħjar."

Hija qalet illi fi ħwienet tas-sbuħija is-sitwazzjoni kienet "kompletament differenti" tant li semmiet każ f'lokalità fejn kellu jinqata' d-dawl għal xi ħin minħabba manutenzjoni u qam pandemonju għax il-ħwienet kellhom ħafna klijenti, propju wara xahar magħluqin. 
Hija tgħid ukoll li l-moral huwa ħafna aħjar u ħafna iktar pożittiv, issa li n-negozji reġgħu fetħu. 
Minkejja dan Abigail Mamo sostniet illi "meta tqabbel iċ-ċaqlieq fix-xogħol din il-ġimgħa ma kemm għandhom bżonn biex ma jibqgħux jagħmlu telf kbir, għadna 'l bogħod ħafna."

Hi fakkret illi issa l-ħwienet reġgħu qed iħallsu l-kirjiet u anke l-pagi b'mod sħiħ, kif ukoll ikollhom spejjeż bħall-kontijiet li jiżdiedu għax naturalment il-ħanut qed jintuża. 

Għalhekk hija appellat biex il-Gvern joħroġ il-vouchers li huma marbutin mal-ħwienet li jbiegħu prodotti mhux essenzjali, qabel ma jistenna li jkunu fetħu n-negozji l-oħrajn kollha. 

Hi qalet illi l-Kamra tal-SMEs ressqet din il-proposta diġà quddiem il-Prim Ministru Robert Abela u "nittamaw li dan iseħħ malajr ħalli jiċċaqalqu l-affarijiet għax vera hemm bżonn."  Mamo qalet ukoll li jidher li hemm reazzjoni pożittiva minn persuni mill-Gvern dwar din il-proposta, li qed taqbel magħha wkoll il-Kamra tal-Kummerċ. 

Il-vouchers kienu kruċjali s-sajf li għadda biex eluf ta' negozji seta' jkollhom ammont ta' negozju, speċjalment fid-dawl ta' turiżmu kważi non eżistenti.

Nhar it-Tnejn li għadda fetħu l-ħwienet kollha li joffru servizzi mhux essenzjali, wara li infetħu l-iskejjel u anke l-knejjes filwaqt li l-gruppi permessibbli, barra u anke ġewwa, telgħu għal persuni minn erba' familji (households). 

Nhar it-Tnejn 10 ta' Mejju - l-għada ta' Jum l-Omm se jkunu qed jiftħu r-ristoranti, snackbars u anke kafetteriji imma se jibqgħu miftuħin sal-5:00 p.m. - xi ħaġa li ntlaqtet bi ftit kritika mhux ħażin, hekk kif ħafna mix-xogħol ikun ġeneralment iġġenerat filgħaxijiet, għajr il-Ħdud meta ħafna jmorru jieklu barra għal nofsinhar. 

Sa issa għadu mhux ċar meta se jiftħu l-bars, każini u diskoteki li ilhom magħluqin minn Awwissu tas-sena l-oħra. 

 

More in Politika