Finanzjament ta’ €161,000 mogħti mill-programm nazzjonali tar-Riċerka u l-Innovazzjoni amministrat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) wassal biex il-kumpanija Maltija Scope Solutions, flimkien mal-Università ta’ Malta, tiżviluppa prodott ġdid bl-isem DataDear.
Il-prodott DataDear illum kiber u qed jagħti servizz lil madwar 10,000 klijent minn 30 pajjiż differenti.
Fi żjara fl-uffiċini ta’ Scope Solutions, il-Ministru Owen Bonnici spjega li dan hu eżempju ieħor fejn finanzjament minn fondi għar-riċerka, flimkien ma’ sinerġija bejn kumpaniji lokali u l-Università ta’ Malta, wasslu għall-ħolqien ta’ prodotti jew ta’ servizzi ġodda li mbagħad jiġu kumerċjalizzati lokalment kif ukoll fuq livell internazzjonali.
Dawn l-aħħar snin l-industrija esperjenzat qabża importanti mill-użu ta’ software tradizzjonali għal dak ibbażat fuq il-cloud li jirreferu għalih ukoll bħala Software as a Service jew SaaS. Waqt li s-sitwazzjoni li ġabet magħha l-COVID-19 għaġġlet dan il-proċess għal ħafna kumpaniji, il-kumpanija Scope kienet ilha taħdem fuq din il-bidla mill-2013.
Permezz ta’ riċerka intensiva, il-kumpanija kienet f’pożizzjoni li tagħti pariri u għajnuna lil kumpaniji oħra Maltin dwar kif jistgħu jagħżlu u jimplimentaw soluzzjonijiet cloud skont l-eżiġenzi tal-industrija li jaħdmu fiha.