Jason Azzopardi jgħid li ma jirriżultalux li hemm mijiet ta' messaġġi bejn Delia u Yorgen Fenech

Qbil bejn Adrian Delia u Jason Azzopardi fuq diversi punti - fosthom dwar akkużi relatati ma' kampanja kontra David Casa

Il-PN ikkanċella l-Laqgħa tal-Eżekuttiv li kellha tibda fis-7:00 p.m minuti biss qabel bdiet, ikkonferma Kelliem tal-PN.  Fost affarijiet oħrajn, Jason Azzopardi ammetta li ma jirriżultalux "mijiet ta' messaġġi bejn Delia u Yorgen Fenech".  Il-messaġġi tal-Whatssapp kienu l-punt li bdew ir-ribelljoni kontra Adrian Delia, li wasslet biex jitneħħa minn Kap tal-Partit Nazzjonalista. 

Azzopardi iżda qal ukoll li ma għandux għaliex jaħseb li Delia għamel xi ħaġa biex iwaqqaf lil David Casa milli jkun elett. 

Fi stqarrija konġunta Delia u Azzopardi qablu fuq hekk:

1 -  Fil-post imtella’ minn Jason Azzopardi ma kien hemm l-ebda intenzjoni li tinftiehem xi referenza għal Adrian Delia fil-kuntest tas-sentenza tal-Qorti hemm imsemmija. 

2 - Kemm Jason Azzopardi kif ukoll Adrian Delia jagħrfu rispettivament f’xulxin politiċi impenjati bis-sħiħ fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-ħajja pubblika, li fniet lil pajjiżna sa mill-bidu nett tal-amministrazzjoni Laburista b’kuntratt ivvizzjat wieħed wara l-ieħor.

3 -  F’dan il-kontest Jason Azzopardi jagħraf li Adrian Delia qiegħed jiġġieled waħdu u b’sogru għalih fil-Qorti l-ġlieda kontra l-kuntratt ivvizzjat tal-isptarijiet ta’ Vitals.

4. - Fl-istess kontest Adrian Delia jagħraf li Jason Azzopardi qiegħed fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra l-każijiet ta’ korruzzjoni f’pajjiżna li b’hekk inkixfu pubblikament u dan b’riskju għalih.

Il-messaġġ ta' Delia dalgħodu
Il-messaġġ ta' Delia dalgħodu

5. - Jason Azzopardi jiddikjara wkoll li Adrian Delia ma huwiex fil-but ta’ ebda negozjant u jiġġieled għalhekk il-korruzzjoni mingħajr xkiel jew kompromessi. F’dan il-kontest ukoll huwa m’għandux għalfejn jaħseb illi b’xi mod il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Adrian Delia jew Adrian Delia nnifsu għamel xi azzjoni jew ħa xi deċiżjoni biex David Casa ma jkunx elett bħala Membru Parlamentari Ewropew u li ma jirriżultalux li hemm il-mijiet ta’ messaġġi bejn Yorgen Fenech u Adrian Delia. 

Il-laqgħa ssejħet b'urġenza lbieraħ mill-Kap tal-PN Bernard Grech hekk kif Adrian Delia wieġeb bil-qawwi kontra d-Deputat Jason Azzopardi.  Delia saħansitra implika li Azzopardi ma ħallasx it-taxxa dovuta minnu u staqsa għaliex huwa biss għandu informazzjoni dwar il-każ kontra Yorgen Fenech, meta hu mhuwiex membru tal-Korp tal-Pulizija.

"Spjegalna kif għext meta suppost qatt ma qlajt xejn. Spjega kif u safejn kellek qrubija mal-familja Fenech minflok tipponta subgħajk lejn ħaddieħor. Iddikjara kemm gdibt u ħdimt kontra l-Kap tal-Partit tiegħek stess meta dan kien elett demokratikament. Għid lill-poplu dwar l-inkjesta li ilha pendenti kontra tiegħek u min kien involut, minflok tivvinta fuq oħrajn," sostna Delia f'messaġġ ilbieraħ fuq il-midja soċjali. 

Azzopardi sostna, ftit wara li rebaħ libell kontra l-attivist tal-PN u ta' Delia Vincent Borg (Ċensu l-Iswed) illi dan kien "użat, ingannat u mmanipulat biex jintefa' t-tajn fuqi." 

 

More in Politika