Fil-Belt Valletta qed tiġi installata l-ewwel sistema ta' sensors għall-parkeġġ li għalissa se tkun qed taħdem għall-inħawi ta' Ġnien Hastings.
Dan huwa l-ewwel proġett tax-xorta tiegħu fil-Belt Valletta wara li l-istess sistema kienet installata f'lokalitajiet oħra, inkluż f'Ħal Qormi.
Din kienet waħda mill-wiegħdi ewlenin tas-Sindku Belti Alfred Zammit, anke biex tibda tittaffa l-problema tal-parkeġġ mhux biss għar-residenti Beltin imma anke għal dawk kollha li jidħlu l-Belt biex jaħdmu jew inkella biex iżuri l-ħwienet u jagħmlu l-qadi tagħhom.
'Il quddiem, l-istess sistema mistennija tkun introdotta wkoll għal żoni oħra, filwaqt li għaddejin ukoll proġetti u diskussjonijiet dwar l-immaniġjar tat-traffiku fil-kapitali.