Il-ħaddiema soċjali favur id-dekriminilizzazzjoni tal-kannabis iżda kontra l-legalizzazzjoni tagħha

Jappellaw lill-partiti politiċi biex ma jbidlux din il-kwistjoni f'ballun politiku għall-voti u li kwalunkwe bidla fil-liġi tkun ibbażata fuq l-evidenza u l-fatti

L-Assoċjazzjoni Maltija għall-Ħaddiema Soċjali (MASW) qalet li hi favur id-dekriminilizzazzjoni tal-kannabis iżda kontra l-legalizzazzjoni tagħha u ħeġġet lill-partiti politiċi biex ma jbiddlux din id-diskussjoni f’ballun politiku.

Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni qalet li qed tibbaża l-pożizzjoni tagħha fuq sondaġġ li għamlet mal-membri tagħha u anke fuq dak li qalu entitajiet oħra, fosthom ReLeaf, ENCOD, Graffitti, Oasi, il-Caritas u s-Sedqa.

L-Assoċjazzjoni qalet li taqbel mad-dekriminilizzazzjoni tal-kannabis biex persuni li jinqabdu b’pussess żgħir jingħataw l-appoġġ u mhux jintbagħtu quddiem il-Qorti jew jispiċċaw il-ħabs. Madanakollu saħqet li kull min ibigħ id-droga għandu jittella’ l-Qorti u jiffaċċja l-ġustizzja.

Appellat ukoll biex kull bidla fil-liġi sseħħ biss wara li jkun sar studju intensiv fuq is-suġġett. 

Qalet li hekk kif huwa ċar li l-konsum tal-kannabis qed jiżdied, għandu jkun hemm kampanja edukattiva biex il-poplu jifhem aktar l-effetti negattivi tagħha. Appellat biex il-kampanja ma tkunx ibbażata fuq il-biża’ iżda fuq fatti.

Minkejja dan insistiet li hi kontra l-legalizzazzjoni tal-kannabis, pożizzjoni li ħa l-Partit Laburista. Fi kliem il-ħaddiema soċjali, jekk dan iseħħ, dan se jkollu impatt “devastanti” fuq is-soċjetà.

“Is-soċjetà ma għandhiex iċċedi l-ġlieda u tippermetti l-użu legali ta’ din id-droga,” saħqet l-istqarrija.

Fejn tidħol il-White Paper tal-Gvern, l-Assoċjazzjoni qalet li hemm bżonn aktar kjarifika fuq diversi punti, fosthom kif se jkunu mħarsa l-minuri mill-aċċess għall-kannabis u kif se jkun assigurat li tfal u adoloxxenti f’residenzi privati ma jkunux esposti għall-kannabis.

Qalet ukoll li l-White Paper qed tippreżenta l-kannabis bħala xi ħaġa ta’ benefiċċju u ma tagħtix kas riċerka li teżisti fuq l-effetti psikoloġiċi li l-użu tal-kannabis jista’ jħalli.

Kien hawn li l-ħaddiema soċjali appellaw ukoll lill-partiti politiċi biex ma jagħmlux minn din il-kwistjoni ballun politiku biex jirbħu l-voti biha. Saħqu li l-benessri tas-soċjetà għandu jingħata dejjem il-prijorità.

Insistiet ukoll li t-tisħiħ tas-servizzi għandu jingħata prijorità, anke biex ikunu jistgħu jaħdmu ma’ familji li jkunu affettwati b’abbuż minn sustanzi, anke biex il-familja tkun tista’ tgħin membri tagħha li jkunu se jibdew il-proċess ta’ rijabilitazzjoni.

Appellat ukoll biex jissaħħu s-servizzi tas-saħħa mentali.

Temmet tappella għal proċess ta’ konsultazzjoni aktar trasparenti u li jkun ibbażat fuq ir-riċerka u l-fatti.

More in Politika