Il-Gvern diġà beda jinnegozja biex jixtri 500,000 doża tal-vaċċin għas-sentejn li ġejjin
Id-Deputat PM Chris Fearne jgħid ukoll li l-Gvern qed jinnegozja biex jixtri booster doses
More in Politika
Id-Deputat PM Chris Fearne jgħid ukoll li l-Gvern qed jinnegozja biex jixtri booster doses
Il-Ministru tas-Saħħa u Deputat Prim Ministru Chris Fearne spjega li l-Gvern qiegħed iħejji l-pjanijiet għall-booster dose, kemm-il darba din tkun neċessarja. Huwa stqarr li pajjiżna akkwista biżżejjed vaċċini biex jitlaqqmu t-tfal, ladarba l-vaċċin ikun awtorizzat għall-persuni ta’ taħt is-sittax-il sena, u għall-booster dose għall-poplu kollu. Id-Deputat Prim Ministru sostna li diġà bdew in-negozjati sabiex pajjiżna jassigura nofs miljun doża tal-vaċċin għas-sena d-dieħla u ta’ wara sabiex ikun preparat għal kull eventwalità.
Waqt konferenza dalgħodu biex timmarka l-Jum Dinji tal-Infermiera u li matulha ħabbar ukoll li minn nhar it-Tnejn li ġej dawk kollha bejn is-16 u t-30 sena jistgħu jibdew japplikaw għad-doża tal-vaċċin, Chris Fearne ħabbar li b’kollaborazzjoni mal-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN), se jkunu organizzati mental wellbeing support workshops fil-ġimgħat li ġejjin għall-infermiera u l-qwiebel kollha.
Fearne stqarr li s-sena li għaddiet daħlu 216 infermier u 11-il qabla ġodda fis-servizz tas-saħħa pubblika, filwaqt li sa issa din is-sena daħlu 139 infermier u tmien qwiebel ġodda, filwaqt li hu stmat li sal-aħħar tas-sena jkunu ingħaqdu iktar minn 150 infermier ieħor fis-settur. Huwa appella sabiex iktar żgħażagħ jagħżlu din il-professjoni. Huwa għamel aċċenn partikolari għall-infermiera speċjalizzati fil-qasam tas-saħħa mentali.
Dan l-appell sar ukoll mill-President tal-MUMN Paul Pace li stqarr li hija sfida ta’ kull pajjiż madwar id-dinja li jattira ż-żgħażagħ lejn din il-professjoni. Huwa tenna li bl-inizjattiva tal-mental wellbeing support workshops, il-unjin qiegħda tmur lil hinn milli tħares biss lejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema u qiegħda wkoll tieħu ħsieb il-benesseri tal-membri.
Paul Pace temm ifaħħar il-mod kif il-Gvern qiegħed jieħu ħsieb is-sitwazzjoni tal-pandemija fil-pajjiż.