Toni Bezzina mhu se jkun qed jiffaċċja ebda akkużi fil-konfront tiegħu, wara li f'April ntalab imur fid-Dipartiment tal-Pulizija għall-Investigazzjoni fuq Reati Finanzjarji fuq każ ta' allegat korruzzjoni li seħħ disa' snin ilu.
Bezzina kien mistenni li jiffaċċja proċeduri kriminali minħabba xogħlijiet li kienu saru minn ħaddiema tal-Gvern fuq il-każin tal-Partit Nazzjonalista taż-Żurrieq fuq struzzjonijiet tiegħu.
Iżda wara kważi erba' sigħat ta' interrogazzjoni, malli ħareġ mid-Dipartiment tal-Pulizija għall-Investigazzjoni fuq Reati Finanzjarji, Bezzina qal lill-ġurnalisti li dan huwa 'frame-up politiku' fuqu."
Joe Giglio, li ħabbar dan fuq Facebook, sostna "s-sewwa jista’ jdum biex jirbaħ imma fl-aħħar jirbaħ dejjem."
Dan il-każ imur lura għall-2012 u kien żvelat mill-gazzetta tal-Partit Laburista ‘Kullħadd.’ Ir-rapport kien jgħid li x-xogħlijiet kienu saru ftit qabel l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali tal-2012. Ix-xogħlijiet saru fil-ħin tax-xogħol.
Bezzina kien fetaħ libell fl-2015 iżda tilfu tliet snin wara. Kien żvelat li d-Deputat kien sejjaħ tliet ħaddiema fl-uffiċċju tiegħu biex jiffirmaw dikjarazzjoni li huma lestew ix-xogħlijiet wara l-ħinijiet tax-xogħol.
Jidher li wieħed minn dawn il-ħaddiema ma riedx jiffirma.
Meta kien qed ikun mistoqsi fil-Qorti, fil-każ tal-libell, wieħed mill-ħaddiema kien ċaħad li ttieħed ġurament fuq din id-dikjarazzjoni u kien qal li ffirma għax kien sfurzat. L-irġiel l-oħra xehdu l-istess.
Wara li ffirmaw id-dikjarazzjoni, tnejn mill-ħaddiema għamlu affidavit li fih ċaħdu li marru jaħdmu fil-każin b’mod volontarju u li kienu marru fuq struzzjonijiet tal-foreman tagħhom.