Alexandra Mamo se tkun l-ewwel Deputat Kummissarju tal-Pulizija mara. Ħabbar dan fil-Parlament il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri.
Il-Ministru kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, li staqsa jekk Mamo hux se tkun promossa għal Deputat Kummissarju. Qal li ried ikun l-ewwel wieħed li jifraħilha.
Il-Ministru Camilleri kkonferma dan u qal li Mamo ntagħżlet wara sejħa pubblika.
Bħalissa Mamo hija Assistent Kummissarju u tmexxi d-Dipartiment għall-Investigazzjoni tar-Reati Finanzjarji. Hija ħadet f'idha din it-taqsima minn idejn Ian Abdilla, is-sena li għaddiet. Din kienet fost l-ewwel bidlet tal-Kummissarju Angelo Gafà.
Bħala Kap tad-Dipartiment għall-Investigazzjoni tar-Reati Finanzjarji, Mamo hija responsabbli mill-investigazzjonijiet dwar il-ħasil tal-flus u reati oħra ekonomiċi.
Hija ilha aktar minn 31 sena fil-Korp tal-Pulizija.